Il-Ġimgħa filgħodu fil-bażilika Minuri tal-Mosta, ingħatat l-aħħar tislima lil Charles Stround; id-direttur tat-televiżjoni li miet fl-età ta’ 75 sena.
Fl-omelija li wassal waqt din il-quddiesa, Fr Brendan Gatt faħħar l-eżempju ta’ Charles Stroud, u sejjaħlu persuna li t-talenti li Alla għoġbu jżejnu bihom għaraf jużahom sewwa matul ħajtu kollha bl-aktar mod serju u professjonali – mingħajr qatt ma weġġa’ lil ħadd.
Hu ddeskriva lil Charles bħala ġentlom li kellu kapaċitajiet kbar, fosthom dik li kapaċi jirrakkonta l-istejjer. U dejjem ra li permezz tat-teatru u t-televiżjoni jwassal messaġġ pożittiv. Talenti li mhux biss użahom bl-aħjar mod li seta’, imma li għaddihom ukoll lil ħaddieħor. Missier li ħabb il-familja imma ħabb ukoll lin-nies, huma min huma.
Fr Brendan qal li jiftakar lil Charles bħala persuna pożittiva, u bniedem li kien jammira lil Charles Chaplin mhux biss għall-umoriżmu tiegħu imma anki għas-sensittività tiegħu lejn in-nies u għall-mod kif kien iħares u jitkellem dwar il-ħajja. Fil-fatt b’għażla tiegħu …..fuq is-santa tal-mewt kienet inkluża kwotazzjoni ta’ Charles Chaplin.
Fuq it-televiżjoni Charles Stroud idderieġa numru kbir ta’ sensiliet u drama bħal F’Baħar Wieħed, Anġli, Pupi, F’Salib it-Toroq, kif ukoll Ulied il-Lejl.
Charles kien pijunier fit-twaqqif ta’ Net Television, u ħadem ukoll għal diversi snin mal-PN.
Fil-fatt, fis-sena 1982 Stroud kien ġie impjegat mal-PN u kien involut fit-twaqqif tad-dipartiment tal-preżentazzjonijiet awdjoviżivi.
Apparti minn hekk Charles Stroud kien ingħata unur għall-kontribut kbir tiegħu lil Net Television fis-serata ta’ Net Honours, fl-2018.
Għall-funeral kien hemm preżenti l-Kap tal-PN Bernard Grech, il-Viċi Kap Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello, diversi uffiċjali tal-PN, deputati miż-żewġ naħħat tal-kamra, kif ukoll il-management tal-kumpanija Net Media.
Id-donazzjonijiet miġbura waqt din iċ-ċelebrazzjoni, fuq xewqa tal-familja, marru għal Puttinu Cares.


