Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech xeħet il-vot tiegħu fl-elezzjoni għal Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
Dalgħodu, fl-aħħar jum ta’ votazzjoni, Bernard Grech flimkien mal-mara tiegħu AnneMarie Grech ivvutaw fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech kien ġie elett lura f’Ottubru tal-2020. Hu serva f’din il-kariga għal kważi ħames snin, bit-terminu tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista jiġi fi tmiemu s-Sibt filgħaxija – biex issa jiġi elett is-suċċessur tiegħu.
F’kumment li ta lil dan l-istazzjon, Bernard Grech stqarr li kien hu, bħal kulħadd li b’responsabbiltà wettaq id-dmir tiegħu. Huwa wkoll appella sabiex kulħadd jingħaqad wara l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista sabiex jibqa’ jibni fuq is-sisien li ħalla hu, u anke dawk il-kapijiet ta’ qablu.
Intant, fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Tarxien dalgħodu vvota s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello.

Aktar tard xeħet ukoll il-vot tiegħu, l-Eks Prim Ministru u Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi, flimkien mas-Sinjura tiegħu Kate Gonzi.

Il-votazzjoni għaddejja wkoll fis-Sub Headquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat Għawdex, u hemm tagħlaq fil-5pm.
Fid-Dar Ċentrali u anke fil-każini Ħal Tarxien, Ħal Safi u anke l-Imġarr Malta, l-elezzjoni se tagħlaq fis-7pm.
//= $special ?>