Kienu 85.9% dawk li vvutaw fl-elezzjoni għall-Kap il-ġdid tal-PN. Dan hekk kif ivvutaw xejn anqas minn 17,862 tesserat.
Il-votanti eleġibbli kienu 20,795.
Dan huwa ogħla mill-aħħar żewġ Konvenzjonijiet Ġenerali tal-PN meta kienu vvutaw 85.5% (2020) u 76.2% (2017).
Il-votazzjoni tal-lum, f’jum l-elezzjoni, issegwi l-votazzjoni bikrija li saret nhar l-Erbgħa 27 ta’ Awwissu u nhar is-Sibt 30 ta’ Awwissu. Il-persentaġġ ta’ 86% jirrappreżenta t-total ta’ tesserati li vvutaw matul dawn it-tlett ijiem, jiġifieri f’jum l-elezzjoni propju llum u fl-ewwel jumejn ta’ votazzjoni bikrija.
Illum, it-tesserati bid-dritt tal-vot setgħu jitfgħu l-vot tagħhom bejn id-9am u s-7pm fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u l-Każini tal-PN f’Ħal Safi, Ħal Tarxien u l-Imġarr f’Malta, u bejn id-9am u l-5pm fis-Sub Hdqs tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat, Għawdex.
Wara li għalqet il-votazzjoni, issa tkompli l-Konvenzjoni Ġenerali tal-PN, bis-sessjoni tal-għeluq tibda wara li jintemm l-għadd tal-voti u jitħabbar ir-riżultat.
NET Television se jkun qed ixandar dirett dan il-proċess kif ukoll id-diskorsi li bihom tagħlaq il-Konvenzjoni tat-tesserati, fosthom l-ewwel diskors tal-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista li se jiġi elett illejla.
//= $special ?>