F’ċerimonja kommemorattiva li kienet organizzata l-Ġimgħa għall-jum storiku tat-8 ta’ Settembru – quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir, tqegħdu kuruni ta’ fjuri biex jitfakkru r-rebħiet tal-poplu Malti f’żewġ assedji.
Fil-fatt, din iċ-ċerimonja annwali tfakkar dak li għal pajjiżna huwa Jum il-Vittorja; ġurnata li għandha mhux biss rabta reliġjuża u iżda fuq kollox storika għall-ġens Malti.
Jum il-Vitorja jfakkar l-Assedju l-Kbir tal-1565, u tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija fl-1943. Liema ġrajjiet dawru din id-data bħala waħda ta’ valur storiku kbir. Iżda apparti minn hekk, jitfakkar ukoll l-Imblokk tal-Franċiżi li ntemm fl-1800.
F’pajjiżna jiġu ċċelebrati il-festi ta’ Marija Bambina, fit-8 ta’ Settembru f’erba’ lokalitajiet – l-Isla, in-Naxxar u l-Mellieħa f’Malta u fix-Xagħra f’Għawdex.
Intant f’din iċ-ċerimonja li saret fil-Belt, ġew imfakkra dawk kollha li mietu waqt dawn l-avvenimenti storiċi li jiġu mfakkra propju f’Jum il-Vittorja. Dan apparti li nqraw ukoll poeżiji patrijottiċi li jfakkru u jagħtu ġieħ lill-ġens Malti.
Fl-aħħar taċ-ċerimonja tqiegħdu wkoll fjuri minn bosta personalitajiet distini; fosthom mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, il-Prim Ministru, il-Whip tal-PN Robert Cutajar f’isem l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, u anke l-Ispeaker u rapreżentanti ta’ istituzzjonijiet oħra li taw ġieħ kif xieraq.
Kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello u l-President tal-Kumitat Eżekuttiv Joseph Grech li ukoll poġġew kuruna tal-fjuri f’riġlejn il-monument tal-Assedju l-Kbir.
