Ekonomija Lokali

“Irridu negozji ta’ kwalità, għal impjiegi ta kwalità” – Chamber of SMEs

l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji resqet il-proposti tagħha għall-budget 2026 – sett ta’ proposti wiesa’ b’ rakkomandazzjonijiet li jiffukaw fuq it-taxxa, il-governanza, l-enerġija, id-diġitalizzazzjoni, u t-trasport

Iċ-Chamber of SMEs, fi stqarrija, spjegat li dawn il-miżuri huma mfassla biex jgħinu l-intrapriżi żgħar u medji għaliex dawn huma s-sinsla tal-ekonomija ta’ Malta – ekonomija, li fi kliem ic-Chamber stess għandha bżonn tagħmel il-pass li jmiss.

Waħda mill-proposti ewlenin hi li titnaqqas ir-rata tat-taxxa minn 35% għal 25% fuq l-ewwel €250,000 fuq il-profitti, miżura li l-Kamra nnutat li kienet fil-programm elettorali tal-Labour iżda għadha ma ġietx implimentata.

Apparti min hekk, proposti oħra jinkludu fost l-oħrajn; fond nazzjonali li jgħin fl-irkupru għall-intrapriżi li qed jaffaċjaw sfidi finanzjarji, riformi fejn jidħlu ħlasijiet b’lura tal-VAT, u miżuri dwar assistenza fl-esportazzjoni tal-prodott lokali.

Intant ċ-Chamber of SMEs elenkat ukoll tħassib dwar kif spiċċajna f’sitwazzjoni fejn l-istituzzjonijiet pubbliċi jikkompetu direttament man-negozji privati. U sabiex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, il-Kamra qed tappella għal restrizzjonijiet fuq entitajiet pubbliċi li joffru kuntratti li jikkompetu mas-settur privat. 


Fis-settur tal-enerġija, il-Kamra tan-negozji ż-żgħad qed tirrakkomanda miżuri biex l-investiment fl-enerġija rinnovabbli jsir aktar vijabbli, inkluż introduzzjoni ta’ skemi rinnovabbli – fosthom investiment fil-ħażna tal-enerġija fuq skala industrijali. Bi skemi fost l-oħrajn fuq solar pannels.

Iċ-Chamber of SMEs kompliet ukoll tispjega li għandu jsir sforz sabiex il-valuri ESG jidħlu fis-seħħ u s-sostenibbilità fi ħdan in-negozji Maltin u Għawdxin tkun tista’ tifrjorixxi u jtkattar mhux biss ġid ekonomiku iżda anke ambjentali.

Iċ-Chamer of SMEs għalqet billi saħqet li l-SMEs qed jiffaċċjaw spejjeż kbar, burokrazija żejda, u kompetizzjoni inġusta, filwaqt li sostniet li l-Budget tal-2026 għandu jiffoka fuq negozji ta’ kwalità li joħloq impjiegi ta’ kwalità.