Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab maħtuf għal kollox mill-klikka ta’ Joseph Muscat – tant li wara li warrab liż-żwiemel tiegħu, issa li ninsabu fuq l-għatba ta’ elezzjoni ġenerali kellu jerġa’ jilqagħhom lura u jħallashom l-eluf ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu.
Dan hekk kif fil-ġimgħat li għaddew, grazzi għal FOI request li għamlu ta’ The Shift News, sar magħruf li l-eks Deputat Mexxej Laburista u eks Ministru Chris Cardona ngħata position of trust mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, sabiex jagħti palata lis-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.
Intqal kif kumplessivament Cardona, li kellu jirriżenja minn Minsitru f’nofs il-kriżi politika tal-2019 u twarrab għal kollox minn Abela, issa qed idawwar mas-€37,000 mit-taxxi tal-poplu.
Aktar tard – sar magħruf ukoll li Neville Gafà, is-self made blogger Laburista u eks membru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta’ Joseph Muscat….reġa’ sab ruħu fl-OPM hekk kif Robert Abela daħlu biex jieħu ħsieb il-Customer Care. Bis-swaba ta’ Gafà jinfirxu anke fuq Għawdex, għaliex tal-Labour mhux kuntenti bil-Ministri tagħhom.
Kien għalhekk illi aktar kmieni din il-ġimgħa, il-ġurnalisti staqsew lill-Prim Ministru kif iħossu komdu jaħdem ma’ dawn iż-żewġ persuni wara li kien hu stess li suppost warrabhom – b’Abela jgħid li qed jagħtu servizz lil Malta u Għawdex.
Robert Abela insista li dawn il-persuni qed jitħallsu tas-sigħat u x-xogħol li jwettqu. Madanakollu filwaqt li nafu kemm qed jaqla’ Chris Cardona mit-taxxi tal-poplu – iċ-ċittadin ma jafx kemm qed jitħallas Neville Gafà.
Mistoqsi kemm qed jitħallas il-ħaddiem fl-uffiċċju tiegħu għal darba, darbtejn – Abela ħabar milli jwieġeb.
Robert Abela baqa’ ma weġibx kemm qed iħallas lil Neville Gafà biex jieħu ħsieb il-Customer Care tal-Labour minn Kastilja. Fl-istess waqt li qed jibqa’ jsaħħaħ ir-retorika partiġġjana tal-klikka estremista tal-Partit Laburista.
//= $special ?>