Lokali

Tintemm il-votazzjoni għall-Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista

Ġie fi tmiemu il-proċess ta’ votazzjoni sabiex jiġi elett il-Kap il-ġdid tal-PN. Dan hekk kif sas-1pm, kienu diġa’ ivvutaw 66% tat-tesserati eleġibbli.

Kmieni filgħodu, ivvota l-Kap tal-PN Bernard Grech akkumpanjat minn martu AnneMarie.

Ivvutaw ukoll iż-żewġ kandidati: Alex Borg u Adrian Delia.

F’Ħal Tarxien, ivvota s-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, filwaqt li aktar tard fid-Dar Centrali ivvota l-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione.

Net News ħa l-kummenti ta’ Bernard Grech eżatt wara li xeħet il-vot tiegħu, fejn stqarr li hu se jibqa’ impenjat fil-ħidma tiegħu b’risq il-PN u l-pajjiż.

Fost dawk li xeħtu l-vot tagħhom kien hemm ukoll l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi. Dan filwaqt li matul il-jum, mijjiet kbar ta’ tesserati dehru jaslu fid-Dar Centrali sabiex jixħtu l-vot tagħhom – proċess li mexa b’mod organizzat immens, grazzi għat-tħejjijiet li għamlet il-Kummissjoni Eletorali tal-PN.

Il-votazzjoni kienet mifruxa mhux biss fid-Dar Centrali, iżda anke fil-każini ta’ Ħal Safi, Ħal Tarxien, l-Imġarr u f’Ta’ Sannat Għawdex.

Intant, Net Television se jkun qed iwassal programm speċjali b’aġġornamenti LIVE mis-sala tal-għadd tal-voti.

Fl-istudios se tkun qed issir diskussjoni bis-sehem ta’ diversi mistidnin, u aktar tard jixxandar ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni waqt l-istess programm speċjali.

Ix-xandira se titwassal anke fuq Net FM u fuq il-media soċjali.