Il-Partit Nazzjonalista kapaċi jingħaqad u kapaci jirbaħ. Dan hu l-mument ta’ Malta u Għawdex tagħna.
Hekk sostna Alex Borg, meta għall-ewwel darba indirizza lil poplu, bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, dan filwaqt li żied jgħid li dan se jkun il-mument li l-Partit Nazzjonalista jiftaħ il-bieb għal dawk kollha li għandhom rieda tajba, inkluż Nazzjonalisti imweġġgħin, imma mhux biss, il-bieb huwa miftuh ukoll għal-Laburisti imweġġgħin.

Ejja niktbu l-istorja ta’ Malta u Għawdex tagħna, saħaq Alex Borg, li wiegħed li spalla ma’ spalla ma’ Adrian Delia u flimkien mad-deputati kollha tal-Partit Nazzjonalista se jkun lest għal elezzjoni bikrija, li tista’ tasal fil-jiem li ġejjien u dan għax Robert Abela huwa mbeżża mill-Partit Nazzjonalista.

Alex Borg għamel referenza wkoll għall-entużjażmu li qam fil-Partit Nazzjonalista f’dawn l-aħħar ġimgħat, entużjażmu li kien ferm evidenti fost il-folla sabiħa li nġabret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Alex Borg irringrazzja lil Mario Callus, li kien ta’ gwida waqt din il-kampanja, lil Bernard Grech tal-ħidma tiegħu matul dawn is-snin, lil dawk kollha li vvutawlu u lil dawk li ma vvutawlux.
Huwa wiegħed ukoll li hu se jkun dejjem viċin il-poplu fit-toroq u fil-pjazez biex b’hekk jisma u jifhem lil poplu kollu.

