Il-Kummissjoni Elettorali tal-PN ħabbret ir-riżultat uffiċjali tal-elezzjoni għall-Kap tal-PN.
ALEX BORG – 8,905
ADRIAN DELIA – 8,861
B’hekk, il-Kummissjoni Elettorali ddikjarat lil Alex Borg bħala Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Kummissjoni Elettorali kkonfermat li Alex Borg kiseb 50.1% tat-tesserati.
Il-voti mitfugħa f’din l-elezzjoni kienu 17,862.

Min hu l-Kap il-ġdid tal-PN?
Alex Borg twieled fl-10 ta’ Lulju, tal-1995 fir-Rabat Għawdex, iben Mary Debono Borg u Tony Borg li serva bħala chief of staff tal-eks Ministru għal Għawdex Giovanna Debono.
Alex Borg kiseb id-dottorat ta’ Avukat mill-Università ta’ Malta u ilu jipprattika fil-qasam legali mill-2019.
Borg trabba fin-Nadur Għawdex, u tul is-snin, ma kienx biss attiv fil-politika – mill-immudellar sal-impenn tiegħu fl-isport – dejjem stinka biex jagħti il-mija fil-mija.
Fl-2020 Alex Borg kien elett fil-kumitat eżekuttiv tal-MŻPN fejn hemm serva bħala ko-ordinatur għal Għawdex.
Hu kien elett f’isem il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni tal-2022 meta kien ikkontesta t-13-il distrett u ġab 6,108 voti – l-akbar ammont ta’ voti wara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.
Alex Borg kien strumentali fir-riżultat pożittiv li l-Partit Nazzjonalista kiseb fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli u tal-Parlament Ewropew fl-2024 – hekk kif proprju grazzi għal ħidma sfieqa tiegħu il-PN kiseb maġġoranza f’Għawdex u kellu rwol importanti sabiex il-Partit Nazzjonalista naqqas id-distakk tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew minn 42,000 għal ftit aktar minn 8,000 vot.
Tul dawn ix-xhur Alex Borg tenna li l-għan tiegħu hu li jsaħħaħ il-vuċi tal-Partit Nazzjonalista – anke permezz tat-tisħiħ tal-midja mhux biss fuq pjataformi tradizzjonali bħal gazzetti, radju u televiżjoni iżda b’mod mill-aktar partikolari dik online.
Huwa insista li l-era ġdida tat-telekomunikazzjoni għad trid tara l-midja tal-Partit Nazzjonalista bħala protagonista wkoll f’dan il-qasam wara li tul is-snin uriet li hija waħda mill-pijunieri medjatiċi f’dan il-pajjiż.
Alex Borg spjega li bidla u ġenerazzjoni żagħżugħa ma jfissirx li nwarrbu dawk li ġew qabilna, iżda li naħdmu id f’id magħhom u namalgamaw it-tagħlim tagħhom, mal-fjamma u l-entużjażmu tal-ġdid.
Tul din il-kampanja, Alex Borg deher akkumpanjat il-ħin kollu mill-partner tiegħu Sarah Bajada – li kienet ta’ appoġġ kostanti għalih f’dan il-vjaġġ.
//= $special ?>