Għada f’Malta niċċelebraw il-festa nazzjonali ta’ Jum il-Vitorja.
Ġurnata li tfakkar il-qlubija tal-poplu Malti u Għawdxi – Jum importanti li jagħmel parti kbira mill-istorja ta’ pajjiżna. F’Jum il-Vittorja nfakkru l-Assedju l-Kbir tal-1565, l-Imblokk tal-Franċiżi li ntemm fl-1800 u tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija fl-1943.
Illum, il-Ħadd 7 ta’ Settembru, propju lejliet il-Vitorja fil-Bażilika Kolleġġjata Marija Bambina fix-Xagħra Għawdex komplew iċ-ċelebrazzjonijiet permezz ta’ pontifikal.
Preżenti għall-pontifikal kien hemm il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, fejn mal-wasla tagħha, il-President ta’ Malta ngħatat is-salut nazzjonali u spezzjonat il-Gwardja tal-Unur.

Għada, f’Jum il-Vitorja, it-8 ta’ Settembru, iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew fit-8:30am permezz tat-tqegħid ta’ kuruna mill-President ta’ Malta, flimkien maċ-Chairperson tal-Kumitat Festi Nazzjonali fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir, il-Belt Valletta.
Wara, il-Kumitat Festi Nazzjonali jqiegħed kuruna fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata fejn jiġu mfakkra l-vittmi li tilfu ħajjithom fit-Tieni Gwerra Dinjija. Titpoġġa wkoll, kuruna mal-monument ta’ Malta Rebbieħa fl-Isla, oħra mal-Monument tal-Vitorja fil-Birgu u kuruna oħra mal-qabar tal-vittmi tal-Assedju f’Forti Sant’Anġlu.
Wara t-tqegħid tal-kuruni, iċ-ċelebrazzjonijiet jintemmu propju fil-Port il-Kbir, hekk kif fis-1:00pm tibda tradizzjoni oħra tagħna l-Maltin, ir-regatta.
Diversi huma dawk l-irħula li jiċċelebraw il-festa tal-Vitorja madwar Malta u Għawdex. L-irħula fejn tiġi ċċelebrata huma l-Isla, in-Naxxar u l-Mellieħa f’Malta u x-Xagħra f’Għawdex.
//= $special ?>