Internazzjonali

Il-Ġappun: Jirriżenja l-Prim Ministru Ishiba wara d-disfatti elettorali

Shigeru Ishiba YUICHI YAMAZAKI/Pool via REUTERS

Shigeru Ishiba ħabbar li qed jirriżenja minn Prim Ministru tal-Ġappun wara anqas minn sena fit-tmun tal-pajjiż u wara li kien ilu jirreżisti s-sejħiet biex iwarrab.  

Ir-riżenja hi ‘konsegwenza naturali’ ta’ żewġ telfiet elettorali għal Ishiba, li għandu 68 sena.

Il-pass, intant, kien ikkonfermat meta l-Partit LDP (Liberali Demokratiku) ta’ Ishiba kien qed jaħseb biex jivvota dwar jekk jgħaddix minn votazzjoni interna għat-tmexxija…Proċess li kien indikat għat=Tnejn u fejn kien hemm probabbiltà kbira li Ishiba jitwarrab b’vot popolari.

Il-Partit LDP iggverna lill-Ġappun għall-parti kbira tal-aħħar 70 sena, iżda taħt it-tmexxija ta’ Ishiba spiċċa jitlef il-maġġoranza fil-kamra t’isfel tal-Parlament għall-ewwel darba fi ħmistax-il sena, Disfatta oħra kienet seħħet f’Lulju u fejn il-partit ukoll tilef il-maġġoranza fil-kamra ta’ fuq tal-Assemblea.

Il-Ġappun hu r-raba’ l-akbar ekonomija tad-dinja u alleat kbir tal-Istati Uniti…Intant, dan il-pajjiż  qed jiffaċċja perjodu ta’ inċertezza politika fost it-tensjoni maċ-Ċina u t-tħassib dwar is-sigurtà fuq livell reġjonali.

Shigeru Ishiba, għalissa, se jkompli bir-responsabbiltajiet ta’ Prim Ministru sakemm jingħażel is-suċċessur tiegħu.