Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex tixtieq tifraħ lil Alex Borg għall-elezzjoni tiegħu bħala
Kap tal-Oppożizzjoni.
Dan huwa pass importanti f’soċjeta demokratika.
Il-Kamra temmen ukoll li dan kollu qed iseħħ fi stadju importanti tal-proċess demokratiku ta’ pajjiżna. Illum iktar minn qatt qabel pajjiżna jeħtieġ diskors politiku mibni fuq approċċ inklussiv, u riformi regolatorji u ekonomiċi inklussivi li ma jpoġġux fil-ġenb il-ġid komuni. Il-politika u l-politiċi iridu jiftakru li tagħhom hija vokazzjoni biex iservu, u li huma qed imexxu l-komunita’ bl-eżempju tagħhom.
Madanakollu, dan ma jistax isir mingħajr dak id-djalogu li jiżgura li r-riformi l-kbar ikunu maqbula bejn il-partijiet kollha, u li l-proposti għal tibdiliet fil-leġislazzjoni u l-politika jiġu evalwati u kkunsidrati. Approċċ konfrontattiv u mibni fuq l-antagoniżmu f’soċjeta’ żgħira bħal tagħna, meta mhux ġustifikat, iwaqqaf il-progress ġenwin u l-implimentazzjoni ta’ tibdiliet li verament jibbenefikaw lis-soċjeta’.
Il-partiti politiċi għandhom jifhmu b’responsabilta’ l-poter u l-influwenza li huma jġorru, u l-impatt li għandhom fuq is-soċjeta’.
Bħala membru Parlamentari li hu ġej minn Għawdex, il-Kamra temmen ukoll li dan għandu jkun strumentali biex jifhem l-isfidi li taffaċċja l-komunita’ Għawdxija, u l-ħtieġa ta’ iktar rikonoxximent tal-identita’ u l-istatus reġjonali ta’ Għawdex, jekk verament irridu lil Għawdex jiżviluppa b’mod sħiħ.