Lokali

L-iktar parti diffiċli kienet li ngħid “dan hu l-mument”, imma tassew hekk hu – il-mument tal-poplu

Tagħlaq il-Konvenzjoni Ġenerali tal-PN b’diskors tal-Kap il-ġdid Alex Borg, wara li jidħol fl-uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali

L-aktar ħaġa iebsa kienet li ngħid “dan hu l-mument”. Stajt bqajt lura u m’għamiltx dak li kont imsejjaħ nagħmel. Imma, minflok, għażilt li ngħid iva. Irrikonoxxejt li dan verament hu l-mument – il-mument tal-poplu. Il-mument li nissieħbu lkoll flimkien għal Malta u Għawdex aħjar.

Il-Kap il-ġdid tal-PN Alex Borg qal dan fl-ewwel diskors tiegħu lil dawk li ġew jiltaqgħu miegħu fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista dalgħodu waqt l-għeluq tal-Konvenzjoni Ġenerali tal-PN li ġab fi tmiemu uffiċjalment il-proċess tal-elezzjoni tal-Kap il-ġdid tal-Partit.

Il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa biss il-PN li f’dan il-mument jista’ jagħti t-tama lill-Maltin u l-Għawdxin kollha u qal li dan huwa l-Partit li se jmur għand in-nies kollha, huma min huma. Huwa qal li ma’ kulħadd, irrispettivament mill-kulur aħmar jew blu, irid li flimkien nibnu l-istorja tal-futur ta’ pajjiżna.

Alex Borg wiegħed li se jaħdem spalla ma’ spalla ma’ Adrian Delia u mal-Grupp Parlamentari kollu.

Huwa kien għadu kemm ingħata simbolikament iċ-ċwievet tal-uffiċċju tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista mill-predeċessur tiegħu Bernard Grech biex issa jibda formalment il-kariga tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Aktar kmieni, waqt intervista fil-programm Analiżi fuq NET TV, il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista qal li jrid li l-PN ikun verament il-Partit tan-nazzjon. Partit inklużiv, li jiġbor fih lil kulħadd. Partit li jkun tan-nies u man-nies.

Huwa rringrazzja lil dawk li tawh il-fiduċja iżda appella wkoll lil dawk li ma vvutawlux, li sejħilhom biex jingħaqdu miegħu biex flimkien ikomplu jsaħħu lill-PN, li huwa t-tama ta’ eluf ta’ nies. Huwa qal li fl-aħħar ġimgħat rajna entużjażmu ġdid mhux biss fost it-tesserati – li kienu l-protagonisti ta’ din l-istorja, u li taw il-fiduċja liż-żgħażagħ – imma anke fost ħafna li mhumiex tesserati tal-PN, u fost Laburisti li mhumiex kuntenti bis-sitwazzjoni preżenti u qed ifittxu tmexxija differenti.

L-enerġija tiġi minn dawn in-nies li jibqgħu jemmnu fil-viżjoni tal-PN, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.

Alex Borg irringrazzja lil Bernard Grech tal-ħidma tiegħu f’dawn l-aħħar ħames snin, lil Mario Callus li mexxa l-Kummissjoni Elettorali tal-PN fl-aħħar ġimgħat, lis-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, lill-ħaddiema u l-voluntieri kollha tal-Partit Nazzjonalista u b’mod speċjali ta’ NET Media u ta’ NET News li lbieraħ għamlu biċċa xogħol imprezzabbli. Irringrazzja lill-Grupp Parlamentari – l-uċuh tal-Partit, u lit-tesserati li jsibu fid-Dar Ċentrali d-dar tagħhom.

Alex Borg tkellem dwar iż-żgħażagħ u qal li l-Partit Nazzjonalista jrid isir id-dar naturali tagħhom – Partit differenti mill-Partit Laburista u li llum għandu opporunitajiet ġodda x’joffrilhom, u mhux biss il-kisbiet kbar tal-passat. Il-Kap il-ġdid tal-PN qal li l-Partit Nazzjonalista huwa l-Partit tal-futur għaż-żgħażagħ li llum f’pajjiżna qed jiffaċċjaw sfidi li jdgħajfulhom il-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Huwa qal li se jkun qed jara li jsaħħaħ il-media tal-Partit li fl-aħħar snin u bis-saħħa tal-ħaddiema li jagħtu l-enerġija kollha tagħhom għamlet avvanzi kbar u wiegħed li se jkun qed jaħdem bis-saħħa biex iwettaq dak li wiegħed tul il-kampanja. Huwa tenna l-impenn tiegħu li li jitwettqu l-miżuri maħsuba biex itaffu l-isfidi biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu isiru sidien ta’ darhom. Alex Borg qal li jrid ukoll jindirizza kemm jista’ jkun malajr l-inġustizzji li jeżistu fil-pensjonijiet u qal li se jinsisti għall-ġustizzja u l-ugwaljanza għall-pensjonanti tagħna.

Waqt l-intervista Alex Borg irrefera wkoll għall-fatt li Robert Abela jrid jipprova jiddistabilizza pajjiż billi jsejjaħ elezzjoni qabel iż-żmien issa li l-Partit Nazzjonalista għandu Kap ġdid. Dan hu l-istil ta’ Abela – li jpoġġi l-interessi tiegħu qabel dawk tal-poplu Malti u Għawdxi, għax għal Abela l-importanti li jibqa’ ggranfat mas-siġġu tal-poter.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jrid jinstab, kemm jista’ jkun malajr, bilanċ ferm aħjar minn dak preżenti fl-ambjent l-aktar fid-dawl ta’ Gvern li flok għaqqad il-progress mal-ambjent, irnexxielu jġellidhom.

Il-Kap tal-PN qal li llum qed inbatu ħafna konsegwenzi ta’ viżjoni ta’ Gvern Laburista li bena l-ekonomija ta’ pajjiżna fuq iż-żieda fil-popolazzjoni. Huwa qal li rridu nkunu kapaċi nibnu ekonomija b’viżjoni fit-tul bħalma kellhom Gvernijiet Nazzjonalisti preċedenti li bnew niċeċ ekonomiċi li għadhom sal-lum pilastri sodi tal-ekonomija ta’ pajjiżna.

Illum dan il-pajjiż jista jkun fuq quddiem fl-AI, fl-eSport u fid-3D Printing – oqsma innovattivi li joffru opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ kapaċi tagħna.

Alex Borg rringrazzja wkoll lil Adrian Delia, li dalgħodu awguralu pubblikament, u qal li jinsab ċert li t-tesserati għandhom ħafna rispett lejh, waqt li wiegħed li flimkien ma’ Adrian, se jkomplu jaħdmu flimkien għall-ġid tal-pajjiż u tal-Partit Nazzjonalista.

Il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN Joseph Grech, fin-nuqqas tal-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut, f’messaġġ qasir waqt l-għeluq ta’ din il-Konvenzjoni sejjaħ lil kulħadd biex ixammar il-kmiem biex flimkien, u mibnija fuq il-pedament tal-entużjażmu kbir li qam tul din il-kampanja, il-Partit Nazzjonalista jkompli jissaħħaħ u jasal għal rebħa fl-elezzjoni ġenerali li jmiss – rebħa li se tkun tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.