Żdiedet il-pressjoni fuq il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, bil-għan li hu jżid l-isforzi lejn il-ħelsien tal-aħħar ostaġġi miżmuma mit-terroristi tal-Ħamas fl-artijiet ta’ Gaza.
Fl-aħħar sigħat, mal-15,000 ħarġu fit-toroq ta’ Iżrael f’dimostrazzjoni kontra l-gwerra u fost l-appelli biex il-konflitt ta’ Gaza jieqaf mill-aktar fis…Hawnhekk spikka l-aktar l-appell biex Netanyahu jaqbel dwar ftehim li jiggarantixxi l-libertà tal-ostaġġi li ilhom jgħixu fi stat ta’ inċertezza kbira mill-aħħar xhur tal-2023.
Il-familji u s-sostenituri tal-ostaġġi, intant, ħonqu l-inħawi ta’ Ġerusalemm, b’folol kbar oħra joħorġu fil-belt ta’ Tel Aviv.
Mifhum li, fil-preżent, il-Ħamas qed iżommu madwar 50 ostaġġ Iżraeljan f’Gaza fost l-indikazzjonijiet li talanqas nofshom mgħadhomx ħajjin.
Iżrael, intant, għad irid iwieġeb b’mod pożittiv għal ftehim li għandu jfisser libertà għal uħud mill-ostaġġi…Dan wara li l-Gvern ta’ Netanyahu qabel, kien insista għar-ritorn tal-ostaġġi kollha fi kwalunkwe ftehim.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Netanyahu, qed jisħaq li l-Iżraeljani jistgħu jaċċertaw il-ħelsien tal-ostaġġi b’rebħa militari totali fuq il-Ħamas.
//= $special ?>