Ir-Russja, fl-aħħar sigħat, wettqet l-akbar attakk bil-missili u d-drones fuq Kiev mindu l-qawwiet ta’ Vladimir Putin invadew l-artijiet tal-Ukrajna fi Frar tal-2022.
L-attakki intensivi nisslu mewġa ġdida ta’ terrur fost il-poplu Ukren wara li l-missili, għall-ewwel darba, laqtu l-bini tal-Gvern ewlieni fil-kapitali Ukrena.
Fl-aħħar sigħat kien ikkonfermat li r-Russi kienu fetħu l-burraxka bil-mijiet tad-drones lejn l-inħawi ċentrali ta’ Kiev u li kienu segwiti bl-għexieren tal-missili diretti għall-aktar zoni sensittivi ta’ din il-belt.
L-attakki kienu wkoll sinifikanti peress li twettqu ftit tal-jiem biss wara li l-President Russu, Putin, wissa lill-Punent biex ma jibgħatx it-truppi għaz-zamma tal-paċi lejn l-Ukrajna ladarba jkun konkluż ftehim għall-konklużjoni tal-gwerra.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, sadanittant, ikkundanna bl-aħrax l-attakk qalil fuq is-sede tal-Gvern waqt li ħalef li l-Ukrajna għandha tirreaġixxi għall-azzjoni ‘b’mod effettiv u fiż-żmien propizju’.
L-istess ton ta’ kundanna kien evidenti fl-istqarrijiet tal-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer u l-President Franċiż, Emmanuel Macron. Starmer esprima ‘xokk profond’ dwar l-aħħar attakki fuq Kiev waqt li Macron akkuża lir-Russja dwar ‘politika inflessibbli bażata fuq il-konflitt u t-terrur’.
Fl-istess ħin, numru kbir ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea ukoll esprimew messaġġi ta’ solidarjetà lill-Ukreni.
Fl-aħħar sigħat, intant, kien ikkonfermat li fl-attakki fuq Kiev inqatlu talanqas ħames ċivili, fosthom tarbija – b’għexieren oħra jisfaw midruba. Dan wara li diversi bini residenzjali wkoll intlaqtu bil-missili u d-drones tar-Russi.
L-Ukreni huma anki mħassbin għaliex din kienet l-ewwel darba, kemm ilha għaddejja l-gwerra, li r-Russi laqtu direttament lis-sede tal-poter ta’ Zelensky.
Dan waqt li r-Russi qegħdin jgħidu li l-attakki tagħhom ikkonċentraw ‘biss’ fuq l-infrastruttura militari fil-kapitali Ukrena u l-madwar.
Il-Prim Ministru tal-Ukrajna, Yulia Svyrydenko, spjegat li l-missili tar-Russi, għall-ewwel darba, laqtu l-bini fejn is-soltu jiltaqa’ l-Kabinett tal-Ministri Ukreni u li kien biss b’xorti tajba li ma weġġa’ ħadd.
Svyrydenko, sadanittant, qalet li t-‘terrur mis-sema’ mhux se jwaqqaf lill-Gvern Ukren milli jaqdi l-funzjoni tiegħu, waqt li kkummentat li ‘illum sar aktar ovvju li r-Russja ma tridx taf bil-paċi’.
Il-Prim Ministru Ukren, fl-istess ħin, appellat biex il-Punent jipprovdi lil pajjiżha b’aktar sistemi għal difiża kontra l-attakki mill-ajru u biex l-Alleati ta’ Kiev jimponu aktar sanzjonijiet fuq Moska…’Sanzjonijiet li, fost oħrajn, għandhom inaqqsu r-riżorsi meħtieġa għall-Magna tal-Gwerra ta’ Vladimir Putin.’
//= $special ?>