Qorti

Raġel li jinsab arrestat b’rabta ma’ serq ta’ muturi se jitressaq il-Qorti

Libjan ta’ 33 sena ġie arrestat mill-pulizija wara li saru investigazzjonijiet u sorveljanza bla waqfien b’rabta ma’ ċirku kriminali li jinvolvi serq ta’ muturi minn diversi lokalitajiet. Ir-raġel kien wieħed mis-suspettati ewlenin u se jkun qed jitressaq il-qorti l-Ħadd għall-ħabta ta’ nofsinhar.

Is-sorveljanza kienet ikkonċentrata f’diversi lokalitajiet lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Tant li l-Ħamis waranofsinhar l-allegat suspettat kien osservat mill-pulizija, isuq mutur fix-Xemxija. Irriżulta li l-Libjan kien qed isuq mutur misruq. Huwa twaqqaf mill-pulizija u ġie arrestat minnufih.

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-arrestat, allegatament kien involut f’serq ta’ mill-inqas 6 muturi minn San Ġiljan, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar. Huwa qiegħed jiġi investigat ukoll b’rabta ma’ serqa minn vettura, serq ta’ apparat elettroniku minn uffiċju fin-Naxxar u anke ħsara fuq vettura tal-pulizija.


Il-Libjan qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u se jkun qiegħed jitressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima.