Wara dewmien ta’ sagħtejn, finalment ingħatat bidu għar-Regatta. L-ewwel tellieqa kienet skedata li tibda fis-1.00pm iżda kważa tad-dewmien, it-tellieqa tan-nisa għalissa nqabżet u għandha tidħol bejn it-tlielaq l-oħra skedati.
Milli jidher kienu tnejn il-problemi prinċipali li kkawżaw id-dewmien. L-ewwel problema hi li s-suldat li hu responsabbli biex jispara għall-bidu tat-tellieqa, ma setax jispara minħabba li ma kellux il-blanks. It-tieni problema hi li l-iStart Line hu armat ħażin u għalhekk polza numru wieħed tinsab fid-direzzjoni tal-Belt Valletta. Fil-fatt dehru anki li l-qaddiefa ta’ Marsamxett li kienu f’polza numru wieħed, bdew jilmentaw minħabba dan il-fatt.
L-ewwel tellieqa – Tal-Pass b’żewġ imqadef – Kategorija B
Id-distrett tal-Isla rebaħ l-ewwel tellieqa f’Kategorija B. L-ekwipaġġ rebbieħ magħmul minn Clayton Azzopardi u Luke Ciantar irrepetew is-suċċess ta’ Marzu li għadda f’din it-tellieqa. Huma għelbu l-isfida ta’ Dylan Portelli u Loran Zarb ta’ Marsamxett f’sitt minuti u 32 sekonda bi dwell li żdied wara li t-tnejn qabżu l-ponta tal-Isla. Il-palju tat-tielet ittieħed mill-Birgu wara taqtigħa missielta.
Riżultat – 1. Isla 20 punt, 2. Marsamxett 12-il punt, 3. Birgu 6 punti
It-tieni tellieqa – Kategorija A – Tal-Midalji
L-ewwel kolp għal Birgu fil-Kategorija A bir-rebħ fit-tellieqa Tal-Midalji. B’kollox erba’ distretti pparteċipaw f’din it-tellieqa iżda d-dgħajsa tal-Marsa ġiet skwalifikata wara kuntatt mad-dgħajsa tal-Isla, deċiżjoni li wasslet għal protesti kbar mill-qaddiefa tal-Marsa. Il-Ġirbin kellhom dwell interessanti mal-Isla, b’tal-aħħar kienu fuq quddiem fl-ewwel parti tat-tellieqa iżda Kieran Zammit, Antoine Brignone, Clayton Darmanin u Sven Refalo żiedu l-qadfa u qasmu l-linja finali l-ewwel f’ħames minuti u 12-il sekonda.
Riżultat – 1. Birgu 20 punt, 2. Isla 12-il punt, 3. Bormla 6 punti
It-tielet tellieqa – Kajjikki – Kategorija B
Rebħa oħra għall-Isla f’Kategorija B. Il-koppja Yarik Agius u Denilson Long kellhom qadfa konsistenti u kklassifikaw l-ewwel b’vantaġġ komdu qabel il-qaddiefa ta’ Birżebbuġa u l-Birgu. Dan ir-riżultat fisser li l-koppja tal-Isla tejbu r-riżultat ta’ Marzu li għadda wara li kienu spiċċaw fit-tieni post.
Riżultat – 1. Isla 12-il punt, 2. Birżebbuġa 8 punti, 3. Birgu 4 punti
Ir-raba’ tellieqa – Frejgatini – Kategorija A
Bormla rrepetew is-suċċess ta’ Marzu li għadda u b’hekk daħlu sew fit-taqtigħa għar-rebħ tax-Shield. Fl-ewwel parti tat-tellieqa d-dwell kien bejn Bormla u l-Birgu iżda l-qaddiefa tal-Birgu ġew skwalifikati minħabba kuntatt bejn iż-żewġ dgħajjes. B’hekk Bormla kellhom vantaġġ komdu sal-linja finali, bl-Isla ssegwi fit-tieni post filwaqt li l-Marsa kisbet il-palju tat-tielet.
Riżultat – 1. Bormla 12-il punt, 2. Isla 8 punti, 3. Marsa 4 punti
Il-ħames tellieqa – Tal-Midalji – Kategorija B
L-ewwel punti għal Bormla f’Kategorija B. L-ekwipaġġ rebbieħ magħmul minn Mattia Calleja, Mel Magro, Damien Attard u Denzel Thornton kellhom qadfa sabiħa u meritatament rebħu l-massimu tal-punti. Dwell bejn l-Isla u l-Birgu għall-palju tat-tieni, b’tal-ewwel irnexxielhom jiksbu t-tieni post u ħallew lid-distrett tagħhom b’vantaġġ tajjeb f’din il-kategorija.
Riżultat – 1. Bormla 20 punt, 2. Isla 12-il punt, 3. Birgu 6 punti
Is-sitt tellieqa – Dgħajjes tal-Pass – Kategorija A
Pass importanti mill-Isla fit-tentattiv li jirbħu x-Shield. Bi prestazzjoni mill-aqwa, Charvot Gatt u Matthew Micallef irnexxielhom jagħmlu tellieqa sħiħa fl-ewwel post u minkejja sfida minn Clyde Cutajar u Clayton Darmanin tal-Birgu lejn it-tmiem, irnexxielhom iżommu l-vantaġġ li kellhom. Il-Kalkara rebħet il-palju tat-tielet wara li fl-aħħar metri qabżet lil Bormla. Dan ir-riżultat fisser li l-koppja dominanti Clive Casha u Dennis Thornton spiċċaw l-2025 mingħajr rebħa wara inċident mad-dgħajsa tal-Marsa f’Marzu li għadda.
Riżultat – 1. Isla 20 punt, 2. Birgu 12-il punt, 3. Kalkara 6 punti
Is-seba’ tellieqa – Frejgatini – Kategorija B
Palju tal-ewwel għal Marsamxett f’din it-tellieqa f’ħin ta’ seba’ minuti u 13-il sekonda. Dusty Cassar u Ryan Degiorgio kisbu rebħa meritata b’qadfa konsistenti min-nofs tal-Port il-Kbir. Bormla li kienu fuq in-naħa ta’ barra rnexxielhom jiksbu l-palju tat-tieni u b’hekk għadhom b’ċans li jirbħu Kategorija B, bl-Isla temmet it-tielet.
Riżultat – 1. Marsamxett 12-il punt, 2. Bormla 8 punti, 3. Isla 4 punti
It-tmien tellieqa – Kajjikki – Kategorija A
Pass eqreb għas-Sengleani hekk kif permezz l-ekwipaġġ magħmul minn Davison Micallef u Denilson Long rebħu dwell mal-isbaħ ma’ Bormla u l-Birgu f’sitt minuti u 36 sekonda. It-tliet distretti telgħu b’mod sabiħ tul id-distanza, bl-Isla tirbaħ b’distakk minimu fuq Bormla filwaqt li l-Birgu temmet it-tielet ukoll b’distakk żgħir wara l-Bormliżi.
Riżultat – 1. Isla 12-il punt, 2. Bormla 8 punti, 3. Birgu 4 punti
Klassifika Parzjali Kategorija A
Isla 52 punt, Birgu 36 punt, Bormla 26 punt, Kalkara 6 punti, Marsa 4 punti
Klassifika Parzjali Kategorija B
Isla 48 punt, Bormla 28 punt, Marsamxett 24 punt, Birgu 16-il punt, Birżebbuġa 8 punti
//= $special ?>