L-ewwel Kap tal-Partit Nazzjonalista Għawdxi, l-iżgħar li qatt kellu l-Partit u potenzjalment kapaċi jkun l-iżgħar Prim Ministru ta’ Malta. Riżultat li biddel l-istorja politika Maltija.
Kienet din l-evalwazzjoni tal-ġurnal Times of Malta, b’analiżi fuq il-bosta records li inkisru malli Alex Borg ġie elett Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
Alex Borg issa huwa l-ewwel Kap tal-Partit Nazzjonalista Għawdxi – U fost l-10 Kapijiet fl-istorja tal-partit, Alex Borg huwa wkoll l-iżgħar li qatt ġie elett fit-tmexxija miż-żewġ partiti ewlenin.
Storika fiha infisha anke għall-fatt li l-età medja ta’ Kap ta’ partit politiku f’Malta hi ta’ 46 sena. Biex b’hekk, wara 76 sena ta’ storja politika Maltija – Alex Borg fl-età ta’ 30 sena kiser ir-rekord tal-eks Prim Ministru Dom Mintoff li kien sar mexxej Laburista fl-età ta’ 33 sena lura fl-1949.
It-Times elenkat ukoll ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni, liema marġini minimi raw lill-Alex Borg jikteb l-istorja tal-elezzjonijiet interni tal-Partit Nazzjonalista.
Apparti min hekk it-Times evalwat anke lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg bħala l-persuna li potenzjalment jista’ jkun l-iżgħar Prim Ministru ta’ Malta u Għawdex. Dan anke jekk l-elezzjoni tiġi fi żmienha. U jekk jiġi magħżul mill-poplu, jikser ir-rekord tal-Prim Ministru Ugo Mifsud li kien ġie elett Prim Ministru fl-età ta’ 35 sena fl-1924.
Bla dubju, elezzjoni tar-rekords, b’kapitlu ġdid li beda jinkiteb fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista u tal-gżejjer Maltin.
//= $special ?>