Għaqda, tama, ħidma u entużjażmu.
Huma dawn uħud mill-elementi li l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qiegħed ipoġġi fuq il-mejda wara li fi tmiem il-ġimgħa kien elett bħala s-suċċessur ta’ Bernard Grech, l-10 Kap tal-Partit Nazzjonalista li se jkun l-aktar Kap tal-Oppożizzjoni żagħżugħ fl-istorja – ġurament li se jittieħed l-Erbgħa wara nofsinhar.
Folla kbira l-Ħadd filgħodu laqgħet is-sejħa tal-Partit Nazzjonalista sabiex jinġabru fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà bil-għan li jisimgħu u jsegwu l-ewwel diskors ta’ Alex Borg bħala Kap tal-PN.
Huwa insista fuq il-ħidma kollettiva, l-impenn li ma jaqta’ qatt, l-entużjażmu li flimkien ma’ Adrian Delia reġa’ kebbes fil-qlub tal-partitarji Nazzjonalisti u fuq kollox l-għan u t-tama ta’ futur aħjar għalll-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Net News kien preżenti fost in-nies li nġabru fejn kulħadd kien eċitat u mimli b’sens ta’ tama ġdida għal dak li mistenni jwassal Alex Borg.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista dwar alleanza bejn il-Maltin u l-Għawdxin għaliex fi kliemu spiċċa żmien l-ippuntar tas-swaba, spiċċaw id-differenzi bejn l-aħmar u l-blu – għaliex dan huwa l-mument li l-Partit Nazzjonalista jwassal lill-poplu għal futur aħjar.
Intant, Alex Borg saħaq li mhux se jingħalaq fl-uffiċċju iżda flimkien ma’ sħabu se jkunu qed isibuh fit-toroq, fid-djar, fin-negozji – għaliex dan huwa l-vera partit tan-nies, il-partit tal-Maltin u l-Għawdxin kollha
//= $special ?>