“Il-Festa tal-Vitorja hija Festa ta’ tama, f’dan il-jum it-tama f’qalb il-Maltin kienet konsistenti matul l-istorja – U f’dan il-ġublew tat-tama infakkru t-tama li ġabet fid-dinja ommna Marija.”
Saħaq dan l-Arċisqof ta’ Malta waqt li kien qed imexxi l-pontifikal fil-Knisja Kolleġjata ta’ Marija Bambina fin-Naxxar. Liema quddiesa tfakkar mhux biss it-twelid ta’ ommna Marija iżda wkoll avvenimenti storiċi li sawru l-futur ta’ dan il-ġens.
Il-ġurnata bdiet bl-Arċisqof ta’ Malta fil-Knisja tan-Naxxar jfakkar dan il-jum importanti għall-insara kollha madwar id-dinja – jum li fih infakkru t-twelid ta’ dik li kella tkun omm Alla.
Intant Monsinjur Scicluna tkellem ukoll fuq kif f’din il-ġurnata Marjana hija prova ċara ta’ kif pajjiżna dejjem mexa’ ‘l quddiem bis-saħħa tat-tama f’Alla. Storja ta’ pajjiż li ssawret bi storja magħġuna b’elementi kristjani.
Charles Scicluna tkellem ukoll dwar kif pajjiżna dejjem kellu bżonn l-assistenza ta’ forzi barranin alleati miegħu li għenuh fid-difiża tiegħu kontra l-għadu – u bħal ma kellna u għad għandna bżonn l-assistenza sal-lum, aħna għandna nibqgħu nitolbu wkoll l-għajuna ta’ Alla u ta’ ommna Marija li wrew kemm kienu mal-poplu Malti u Għawdxi f’dawn l-avvenimenti storiċi.
Jum il-Vitorja jfakkar l-Assedju l-Kbir tal-1565, u tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija fl-1943. Liema ġrajjiet dawru din id-data bħala waħda ta’ valur storiku kbir. Iżda apparti minn hekk, jitfakkar ukoll l-Imblokk tal-Franċiżi li ntemm fl-1800.
Il-festa tal-Bambina, fit-8 ta’ Settembru, tiġi iccelebrata fl-Isla, in-Naxxar, il-Mellieħa u fix-Xagħra Għawdex.
Intant, il-Ġimgħa sar it-tqegħid tal-kuruni tal-fjuri minn bosta persuni distinti, fosthom delegazzjoni mill-Partit Nazzjonalista – u f’Jum il-Vittorja l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono sellmet ukoll din il-festa nazzjonali fil-Belt Valletta.
//= $special ?>