Internazzjonali

Jinqatlu 14-il persuna wara protesti fin-Nepal

Mill-inqas 14-il persuna nqatlu u iżjed minn 50 persuna ndarbu fil-kapitali tan-Nepal nhar it-Tnejn, hekk kif il-pulizija sparaw gass tad-dmugħ u bullets tal-lastiku lejn grupp li kienu qed jipprotestaw, li ppruvaw jidħlu fil-parlament b’rabja.

Huma kienu qed jipprotestaw kontra d-deċiżjoni tal-gvern li tipprojbixxi l-media soċjali, kif ukoll kontra l-korruzzjoni.

L-organizzaturi tal-protesti, li nxterdu wkoll f’ibliet oħra fil-pajjiż, sejħu dawn il-protesti bħala dimostrazzjonijiet tal-ġenerazzjoni ġdida tal-Gen-Z fin-Nepal. Qalu wkoll li l-protesti jirriflettu l-frustrazzjoni mifruxa taż-żgħażagħ lejn il-gvern u r-rabja lejn il-politika li jħaddnu.

Id-deċiżjoni li ħadu l-gvern Nepaliż il-ġimgħa li għaddiet, twaqqaf l-aċċess għal diversi pjattaformi tal-media soċjali, inkluż Facebook. Din id-deċiżjoni ġabet magħha rabja enormi fost iż-żgħażagħ, hekk kif madwar 90% tal-popolazzjoni ta’ 30 miljun fin-Nepal jużaw l-internet.

L-uffiċjali qalu li mponew din il-projbizzjoni għax il-pjattaformi fallew milli jirreġistraw mal-awtoritajiet bħala parti minn sforz biex jitnaqqas l-użu malizjuż ta’ dawn il-pjattaformi.