Knisja Lokali

L-Arċisqof Charles Scicluna jmexxi l-quddiesa fil-Festa tat‑Twelid tal‑Verġni Marija fin-Naxxar

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Il-quddiesa fil-Festa tat‑Twelid tal‑Verġni Marija li mexxa t-Tnejn filgħodu l-Arċisqof Charles Scicluna fil-Kolleġġjata ta’ Marija Bambina fin-Naxxar. Ikkonċelebraw l-Arċipriet Dun David Gauci u diversi saċerdoti oħra li jagħtu sehemhom fil-ħajja tal-parroċċa. Għal din il-quddiesa attendiet ukoll il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.

Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof Scicluna enfasizza r-rwol ta’ Sidna Marija bħala sors ta’ tama u interċessjoni matul is-sekli. Hu rrefera kif il-gwida tagħha għenet lil Malta fit-tliet assedji kruċjali: fl-1565, fl-1800 u fl-1943. Qal kif dawn l-avvenimenti juru l-qawwa tal-koperazzjoni internazzjonali iżda wkoll il-protezzjoni divina.

Minbarra dawn id-dati tant importanti fl-istorja tal-pajjiż, l-Arċisqof semma kif fil-preżent is-soċjetà Maltija qed tiġġieled tliet għedewwa oħra.

L-ewwel għadu hu r-rebgħa: “Ir-rebgħa tavvelena l-qalb. Kun kuntent b’li għandek u rringrazzja lill-Mulej…il-ġid m’għandux ifisser li tikkalpesta lil ħaddieħor jew lill-ambjent biex ikollok iżjed”.

It-tieni għadu hu l-abbuż tas-sustanzi: inkluż id-drogi u l-alkoħol, li tista’ tużahom b’moderazzjoni, imma xorta jfarrkuk. “L-abbuż mid-droga u l-alkoħol ma jikkawżax ħsara biss lill-żgħażagħ tagħna, imma wkoll lill-familji u lir-relazzjonijiet ta’ bejnietna”.

It-tielet għadu hu t-tnaqqis fit-twelid u s-sostenn tal-familji: “Qegħdin mexjin lejn l-estinzjoni tal-etniċità tagħna. Dak li ma għamlux l-għedewwa tagħna qed nagħmluh aħna b’idejna”. L-Arċisqof qal ukoll li l-appoġġ lill-familji żgħar huwa essenzjali: “Nirringrazzja lill-Istat għal dak kollu li nagħmlu lkoll flimkien biex liż-żgħażagħ tagħna nagħtuhom bejta affordabbli u fl-istess ħin tama.”

L-Arċisqof Scicluna temm l-omelija tiegħu billi talab l-interċessjoni ta’ Marija biex tkun hi li tiggwidana bħala pajjiż.