Lokali

AĠĠORNATA: L-eżitu tal-elezzjoni ta’ Kap tal-PN huwa korrett

Il-listi użati fl-elezzjoni għal Kap tal-PN kienu maqbula bejn iż-żewġ naħat, u l-allegazzjonijiet li saru fl-ittra li l-Kummissjoni Elettorali rċeviet mingħand il-kampanja ta’ Adrian Delia diġà kienu ġew indirizzati f’laqgħa li saret is-Sibt filgħaxija

Il-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-Partit Nazzjonalista ħadet nota tal-ittra li rċeviet mingħand il-kampanja ta’ Adrian Delia.

Il-Kummissjoni Elettorali tinnota li ż-żewġ kandidati u/jew ir-rappreżentanti tagħhom kienu qablu mal-listi li ntużaw f’din l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista u li l-allegazzjonijiet li saru fl-ittra kienu diġà ġew indirizzati f’laqgħa li għamlet il-Kummissjoni mal-kandidati u r-rappreżentanti tagħhom is-Sibt filgħaxija.

Il-Kummissjoni Elettorali rat l-allegazzjonijiet li saru u wara li investigat,  tiddikjara li l-eżitu tal-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa korrett.

Dan intqal fi stqarrija minn Mario Callus, iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-PN.

Fl-aħħar ħinijiet, anke it-team ta’ Adrian Delia ippreċiża li fl-ebda ħin ma allega li kien hemm tbgħabis. U fil-fatt, Adrian Delia innifsu stqarr li “għal min qed jallega li jien qed nikkontesta r-riżultat tal-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista la jaf x’qed jgħid u wisq inqas jaf lili.