It-tim Malti jinsab ottimist u pożittiv qabel il-partita ta’ ħbiberija kontra San Marino. Il-kowċ Emilio De Leo u l-attakkant Irvin Cardona taw il-kummenti tagħhom lill-media qabel din il-partita importanti għat-tim Malti.
Il-kowċ De Leo stqarr li t-tim qed jitgħallem minn kull partita li jilgħab biex mhux biss ikollu riżultati tajbin iżda sabiex jibni kontiwita’ fil-logħob tiegħu. De Leo kompla jgħid li l-kejl tal-progress m’huwiex biss ir-riżultati, b’referenza għad-draw li kiseb it-tim Malti kontra l-Litwanja fl-aħħar partita.
Filwaqt li rrikonoxxa li t-tim iħoss in-nuqqas ta’ ċertu plejers ta’ esperjenza u li jitqiesu importanti għat-tim nazzjonali Malti, De Leo faħħar il-plejers li qamu għall-okkażżjoni fl-assenza ta’ oħrajn, fosthom il-plejers Irvin Cardona, Brandon Paiber, Myles Beerman u Jake Grech.
Cardona li min-naħa tiegħu għamel id-debutt tiegħu mat-tim nazzjonali fl-aħħar partita kontra l-Litwanja esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-prestazzjoni li kellu filwaqt li stqarr li jittama li din kienet l-ewwel fost ħafna dehriet għat-tim Malti.
Wara l-partita kontra l-Litwanja De Leo qal li t-tim kollu jrid jieħu r-responsabbilta’ tar-riżultat inkluż hu nnifsu, fejn qal li t-tim qed jikber ma’ kull partita li jilgħab.
B’referenza għall-partita kontra San Marino, De Leo emfasizza l-importanza li t-tim ikun iffukat kemm tattikament kif ukoll emozzjonalment.
//= $special ?>