L-edizzjoni ta’ din is-sena tar-Regatta ta’ Jum il-Vitorja hi dominata minn dewmien kontinwu u problemi fl-organizzazzjoni. L-ewwel tellieqa fil-Port il-Kbir kienet skedata fis-1.00pm iżda dan ma seħħx qabel sagħtejn wara.
Milli jidher kienu tnejn il-problemi prinċipali li kkawżaw id-dewmien. L-ewwel problema jidher li kienet minħabba li s-suldat li hu responsabbli biex jispara għall-bidu tat-tellieqa, ma setax jispara minħabba li ma kellux il-blanks. It-tieni problema hi li l-iStart Line kien armat ħażin u għalhekk polza numru wieħed tinsab fid-direzzjoni tal-Belt Valletta dehret li kienet fi żvantaġġ. Fil-fatt dehru anki li l-qaddiefa ta’ Marsamxett fit-tellieqa tan-nisa u li kienu f’polza numru wieħed, bdew jilmentaw minħabba dan il-fatt.
Inċidentalment li minbarra xi false starts qabel tlielaq, xi ħaġa li tiġri minn edizzjoni għal oħra, qabel it-tellieqa Tal-Midalji ta’ Kategorija B seħħ inċident partikolari. Il-qaddiefa kellhom jistennew il-bidu tat-tellieqa minħabba li kellhom jistennew katamaran ħiereġ mill-Port il-Kbir, b’konsegwenza ta’ dewmien ta’ aktar minuti biex seħħet il-ħames tellieqa fil-programm.
Fuq il-media soċjali, kienu diversi dilettanti li lmentaw dwar l-organizzazzjoni ta’ din l-edizzjoni. Ħafna kkritikaw il-fatt li t-tmuniera li huma tfal żgħar kellhom kważi sagħtejn fuq il-frejgatina u fix-xemx. Id-dewmien fil-bidu tar-Regatta wassal biex ikun hemm konġestjoni bejn tellieqa u oħra b’konsegwenza li qaddiefa li jtellqu f’aktar minn tellieqa waħda jkollhom anqas mistrieħ.
Fatt ukoll hu li probabbli t-tmiem tar-Regatta se jaħbat ukoll ma’ nżul ix-xemx u għalhekk il-preżentazzjoni finali tista’ tiġi affettwata wkoll.
//= $special ?>