Silvio Schembri jaf jitlaq minn Ministru. Dan hekk kif isem il-Ministru għall-Ekonomija qed jissemma b’insistenza sabiex jieħu post l-eks Ministru Edward Scicluna bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
Storja żvelata mis-sit Newsbook tindika li Scicluna ma jixtieqx jagħmel terminu ieħor u dan ifisser li tliet xhur oħra se jkun qed jiskadielu l-kuntratt.
Il-Ministru Silvio Schembri huwa ekonomista u għamel perjodu jaħdem saħansitra fil-Bank Ċentrali stess qabel ma spiċċa fil-Kabinett tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Persuni qrib il-Ministru kkonfermaw ma’ Newsbook li qiegħed jaqta’ mix-xogħol distrettwali tiegħu u hekk kif l-elezzjoni ġenerali tinsab fuq l-għatba ta’ barra laqnas biss qed juri ħajra li jikkampanja – bis-suspetti huma li Silvio Schembri mhux se jkun qiegħed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Iżda l-Ministru ċaħad dan kollu u saħaq li din hija biss qlajja – għalkemm persuni li jaħdmu miegħu mhux qed jeskludu li jseħħ dan.
Bil-Prim Ministru Robert Abela jeħles minn ta’ miegħu bil-pulit u jerġa’ jagħmel co-option oħra; xi ħaġa li għamel żmien jiddeletta bihom.
Ċertament jidher li Edward Scicluna mhux se jkun qiegħed iġedded it-terminu tiegħu bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali wara li fl-aħħar xhur reġa’ ħa postu hekk kif kien tneħħa temporanjament minn tali pożizzjoni wara li tressaq il-Qorti b’rabta mal-każ tal-akbar frodi f’Malta – ċioè il-ħadma tal-ftehim tal-Isptarijiet ta’ Vitals u Steward Healthcare.
//= $special ?>