Il-Jum Dinji tal-Prevenzjoni tas-Suwiċidju jitkakkar għada l-Erbgħa, 10 ta’ Settembru, bit-tema hi ‘Nibdlu r-Rakkont dwar is-Suwiċidju’.
Is-suwiċidju huwa sfida ewlenija għas-saħħa pubblika, b’aktar minn 700,000 mewt kull sena madwar id-dinja. Kull każ ta’ suwiċidju jġib miegħu konsegwenzi soċjali, emozzjonali u ekonomiċi serji, u jolqot b’mod profond lill-individwi u lill-komunitajiet madwar id-dinja.
It-tema ta’ kull tliet snin għall-Jum Dinji tal-Prevenzjoni tas-Suwiċidju għas-snin 2024-2026 hija “Nibdlu r-Rakkont dwar is-Suwiċidju”. Din it-tema għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-importanza li nnaqqsu l-istigma u ninkoraġġixxu konversazzjonijiet miftuħa biex jiġu evitati s-suwiċidji.
Nibdlu r-rakkont dwar is-suwiċidju jfisser li nbiddlu kif naraw din il-kwistjoni kumplessa, u nitbiegħdu minn kultura ta’ silenzju u stigmatizzazzjoni lejn waħda miftuħa fejn ikun hemm fehim u sapport.
Din it-tema tenfasizza wkoll il-ħtieġa li tingħata prijorità lill-prevenzjoni tas-suwiċidju u lis-saħħa mentali fil-politika pubblika, u ssejjaħ għal azzjoni konkreta mill-gvernijiet. Il-bidla fir-rakkont titlob li nippromwovu politika li tagħti prijorità lis-saħħa mentali, jiżdied l-aċċess għall-kura u jkun hemm appoġġ għal dawk fil-bżonn.
Il-Jum Dinji tal-Prevenzjoni tas-Suwiċidju (WSPD) twaqqaf fl-2003 mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju flimkien mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). L-10 ta’ Settembru ta’ kull sena għandu l-għan li jiġbed l-attenzjoni fuq din il-kwistjoni, inaqqas l-istigma u jqajjem kuxjenza fost l-organizzazzjonijiet, il-gvernijiet u l-pubbliku, b’messaġġ ċar: is-suwiċidji jistgħu jiġu evitati.
//= $special ?>