Lokali

Il-Kap tal-PN Alex Borg iżur lill-impjegati tad-Dar Ċentrali u Net Media

L-enerġija, l-entużjażmu u l-viżjoni tal-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista bdiet tinħass b’mod immedjat mill-ewwel ġurnata tiegħu.

U t-Tlieta filgħodu, Alex Borg, irringrazzja lill-ħaddiema fl-uffiċini tagħhom fid-Dar Ċentrali u f’Net Media.

Akkumpanjat mis-Segretarju Ġeneral Charles Bonello, il-Viċi Kap Alex Perici Calascione u diversi uffiċjali tal-kumpanija, flimkien daru l-ħaddiema kollha; fosthom l-amministraturi, il-ħaddiema fi ħdan is-settur tal-marketing u r-reklamar, il-ħaddiema u l-preżentaturi ta’ Net FM, il-kamra tal-aħbarijiet, l-edituri tal-gazzetta, iċ-Ċentru tar-Riċerka Informa u l-ħaddiema ta’ Net TV.

Tul il-kampanja tiegħu Alex Borg saħaq kemm-il darba dwar l-importanza li jkompli jsir aktar investiment fil-media, u fir-riżorsi, sabiex il-messaġġ tal-partit ikompli jasal għand in-nies.

Iż-żjara fl-uffiċini kompliet tagħti idea ċara lill-Kap tal-PN Alex Borg dwar dawk li huma l-prijoritajiet tal-media, l-iskedi l-ġodda għall-ħarifa, u l-proġetti li qed jitħejjew. Bl-apprezzament u l-fiduċja tal-Kap il-ġdid fil-ħaddiema tidher b’mod evidenti, u bla ebda dubju reċiproka.

Il-Kap tal-PN Alex Borg irringrazzja lill-ħaddiema kollha tax-xogħol siewi tagħhom, waqt illi qed iħares ‘il quddiem għal aktar ħidma flimkien.

Hu rrimarka wkoll kif ix-xogħol ta’ kull wieħed u waħda mill-ħaddiema huwa essenzjali. U se jibqa’ f’kuntatt dirett mal-impjegati anke fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Intant, bħalissa għaddejin l-aħħar preparamenti għall-Konkors Kanzunetta Indipendenza li se jsir nhar is-Sibt li ġej, u anke l-festi tal-Indipendenza li se jsiru fi Pjazza Tritoni.