Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista se jsaħħaħ il-ħidma tiegħu fl-interess tal-poplu” – Alex Borg

“Id-deċiżjonijiet tiegħi bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista se jittieħdu fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu għaliex aktar minn qatt qabel irridu nuru li l-Partit Nazzjonalista huwa Gvern alternattiv b’saħħtu.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’intervista li saritlu waqt il-programm Xtra fejn wassal il-viżjoni tiegħu għall-Partit Nazzjonalista u għal pajjiżna.

Alex Borg spjega li matul il-jiem li ġejjin se jkun qed joħloq Shadow Ministries ġodda bil-għan li l-ħtiġijiet tas-soċjetà jiġu indirizzati b’mod aktar effettiv.

Mistoqsi fuq ristrutturar fil-Partit Nazzjonalista, Alex Borg saħaq li s-Segretarju Ġenerali se jkun aktar iffukat fuq il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista. Filwaqt li tkellem fuq kif il-midja tista’ tissaħħaħ.

Apparti minn hekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista aċċenna fuq l-importanza li aktar żgħażagħ jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista filwaqt li jingħataw l-opportunità li jressqu l-ideat; għaliex iż-żgħażagħ huma l-futur ta’ pajjiżna.

B’rabta mal-ħaddiema barranin, Alex Borg qal li jeħtieġ li jsir labour market study bil-għan li jkun identifikat liema industriji għandhom bżonn il-ħaddiema. Dan apparti li saħaq fuq l-importanza li jsiru inizjattivi sabiex il-Maltin jaħdmu f’ċertu setturi.

Matul l-intervista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar f’numru ta’ proposti li huma parti mill-viżjoni tiegħu għall-Partit Nazzjonalista u għall-pajjiżna fosthom li jrid jara partit aktar inklussiv, li jkun hemm aktar enfasi fuq l-ITS bil-għan li aktar żgħazagħ jidħlu fis-settur tal-catering, li jissaħħu s-snajja’, kif ukoll li jinħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda.