Internazzjonali Unjoni Ewropea

Il-Partiti ewlenin jittamaw li Von Der Leyen tippreżenta pjan għal Unjoni Ewropea aktar indipendenti

Jum qabel l-indirizz li se tkun qed twassal il-President Ursula Von Der Leyen, il-partiti ewlenin fl-Unjoni Ewropea qed iressqu ‘l quddiem il-prijoritajiet tagħhom, filwaqt li jittamaw li l-Kummissjoni se tkun qed tindirizza dawn il-prijoritajiet.

lt-Tlieta filgħodu, il-Viċi Presidenti tal-Parlament Ewropew Martin Hojsík, Katarina Barley u anke Nicolae Stefanuta, indirizzaw lill-midja internazzjonali fi press briefing li sar fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Minn naħa tiegħu, il-Viċi President Nicolae Ștefănuță, li huwa Rumen, spjega kif l-espansjoni tal-Unjoni Ewropea hija fuq quddiem nett tal-aġenda tal-Partiti tal-Ħodor. Huwa spjega, li l-Ħodor qed jistennew azzjoni konkreta sabiex pajjiżi bħall-Moldova u anke l-Ukrajna jersqu dejjem aktar viċin l-Unjoni Ewropea sabiex jissieltu mal-indħil tal-President Russu Vladmir Putin.

Il-Ħodor, qed jistennew ukoll li l-Kummissjoni tinvesti fil-kwalità tad-difiża u mhux fil-kwantità biss. Ștefănuță tenna li l-Kummissjoni mmexxija minn Ursula Von Der Leyen għandha tħares lejn investiment b’għaqal u mhux sempliċiment investiment esaġerat fil-kwantità.

Huwa wkoll appella lill-Kummissjoni sabiex tinvesti f’Ewropa soċjali. Unjoni li tħares lejn investiment fil-klima u anke fis-soċjal. Fejn spjega li l-investiment fid-difiża ma jfissirx tnaqqir mill-fondi li għandhom jiġu investiti fis-soċjal.

Is-Soċjalisti, minn naħa tagħhom, rappreżentati mill-Viċi President Katarina Barley, qed jistennew ukoll li l-Kummissjoni tħares lejn Unjoni aktar soċjali, b’mod speċjali fejn jidħol il-housing affordabbli.

Barley spjegat li s-Soċjalisti qed iħarsu lejn il-fatt li jaf tkun diffiċli sabiex il-Kummissjoni tilħaq it-tragwardi elenkati fil-Budget li nediet propju ftit tal-ġimgħat ilu. Dan minħabba l-fatt illi, l-Kummissjoni Ewropea qed tħares sabiex taqta’ wkoll id-dejn li għolla rasu frott il-kriżi tal-pandemija tal-COVID.

Hija anke elenkat il-fatt li huma 12-il miljun pakkett kuljum li jiġu importati lejn il-pajjiżi Ewropej, fejn tat x’tifhem li l-Unjoni għandha ssib mod kif tnaqqas dawn l-importazzjonijiet minħabba l-fatt li huma bosta l-affarijiet importati, li huma ddikjarati illegali fl-Unjoni Ewropea.

Is-Soċjalisti, qed jistennew illi Von Der Leyen tippreżenta l-pjan tagħha b’rabta maż-żieda fl-impjiegi ta’ kwalità, u l-kompetittività. Huma appellaw ukoll lill-Kummissjoni sabiex tipprijoritizza l-isfera diġitali. Settur li dejjem qed jikber u għalhekk, huwa mistenna li l-Unjoni jirnexxielha tlaħħaq mal-infrastruttura diġitali avvanzata li diġà qed naraw madwar id-dinja.

Fuq in-naħa tal-Partiti tar-Renew, kien il-Viċi President Martin Hojsík. Il-Viċi Slovakk, appella sabiex il-Kummissjoni tħares lejn Unjoni Ewropea indipendenti. Fejn spjega li l-Partiti tar-Renew, qed jistennew azzjoni konkreta mill-Kummissjoni sabiex l-investimenti li qed isiru fl-Unjoni Ewropea jibqgħu jiġu ġġenerati fil-pajjiżi Ewropej u mhux ‘il barra mill-Ewropa.

Il-Partiti tar-Renew, qed iħarsu wkoll lejn, Kummissjoni li tipprijoritizza l-bidla fil-klima. Hekk kif Hojsík spjega li kienu bosta n-nirien li ħakmu numru ta’ stati membri tal-Unjoni Ewropea u li ma sabux biżżejjed għajnuna jew għajnuna immedjata. Bir-riżultat li sfaw mejta mijiet ta’ vittmi u anke għad-detriment tal-ekonomija tal-pajjiżi. Għalhekk dawn il-partiti qed jistennew azzjoni konkreta fuq il-klima.

Hojsík spjega wkoll, li l-Partiti tar-Renew qed jistennew Kummissjoni Ewropea li ma tibqax tiddependi fuq importazzjoni miċ-Ċina.