Internazzjonali

Il-Qatar: Attakk dirett u għall-għarrieda fuq il-Mexxejja tal-Ħamas f’Doha

Il-qawwiet ta’ Iżrael, għall-ewwel darba, wettqu attakk dirett fuq il-mexxejja ewlenin tal-grupp terroristiku Ħamas li huma residenti f’Doha, il-kapitali tal-Qatar. L-uffiċjali tal-Ħamas qalu li l-attakk kien immirat speċifikament għar-rappreżentanti tiegħu li qed jinnegozjaw dwar il-paċi fil-Medda ta’ Gaza. Rappreżentanti li ilhom minn Lulju ma jkollhom in-negozjati indiretti mal-Uffiċjali tal-Gvern Iżraeljan.

Fl-aħħar ħinijiet, il-Ministeru tal-Qatar għall-Affarijiet Barranin ikkundanna l-attakk fuq Doha bħala ‘abbuż sfaċċat tal-liġi internazzjonali’. L-istqarrija qalet li l-Qatar mhux se jittollera l-atteġġjament aggressiv ta’ Iżrael, inkella tip ta’ aġir ieħor li qed jipperikola s-sigurtà fir-reġjun.

Intant, Iżrael assuma responsabbiltà sħiħa għall-attakk li fih intlaqtu r-residenzi tal-membri tal-bureau politiku tal-Ħamas.

L-Iżraeljani qalu li l-qawwiet tagħhom mexxew azzjoni preċiża diretta kontra wħud mill-awturi tal-aġir terroristiku tal-Ħamas. L-istqarrija sostniet li t-Tmexxija tal-Ħamas ilha s-snin twettaq it-terroriżmu u meta hi direttament responsabbli għall-massakri storiċi tas-7 ta’ Ottubru (tal-2023) f’Iżrael.

Iżrael stqarr ukoll li l-mexxejja tal-Ħamas fil-Qatar qegħdin ‘jorkestraw u jmexxu’ gwerra kontinwa kontra l-poplu Iżraeljan – u li l-qawwiet Iżraeljani, qabel l-attakk fuq Doha, ħadu l-miżuri kollha neċessarji biex jimminimizzaw id-danni għaċ-ċivili ta’ dik il-belt.

Jidher ukoll li l-attakk ‘ta’ preċiżjoni’ ibbaża fuq id-data speċifika pprovduta mis-servizzi sigrieti ta’ Iżrael.

Intant, l-Iran kien l-ewwel pajjiż li kkundanna l-azzjoni ta’ Iżrael u fejn irrefera għall-‘abbuż tas-sovranità tal-Qatar.

Dan waqt li l-Ministru Iżraeljan għall-Finanzi,  Bezalel Smotrich, qal li l-attakk fuq Doha irid jitqies bħala dimostrazzjoni li ‘it-terroristi m’għandhomx u lanqas ma għandhom ikollhom l-immunità fi kwalunkwe pajjiż’… Smotrich kompla li l-attakk hu wieħed ‘ġustifikat’ u li fih spikka l-koordinament ‘perfett’ bejn il-militar u s-servizzi sigrieti ta’ Iżrael.