Lokali Mużika

Ir-raba’ edizzjoni ta’ Dock Music

minn Noel D’Anastas

Dock Music se jirritorna f’Bormla nhar l-20 ta’ Settembru 2025. Dan l-avveniment bla ħlas, li se jsir fuq barra fl-isfond tal-Baċir Nru 1, se jkun qed joffri lejla mill-isbaħ mimlija mużika popolari, talent lokali u internazzjonali, u wirjiet oħra.

Din se tkun ir-raba’ edizzjoni ta’ Dock Music, li hija mmirata li tkun ikbar u aktar ta’ suċċess mill-edizzjonijiet ta’ qabel, u mmirata għall-familja kollha. Joe Mizzi, Chairman tal-Kottonera Foundation u tad-Dock Music Festival, qal hekk:
 “Dock Music joħloq sens ta’ komunità għaliex jgħaqqad lin-nies f’wieħed mill-ispazji l-iktar storiċi u sbieħ f’Malta. Il-Baċir Nru 1 ħaqqu jiġi ċċelebrat u jitgawda min-nies. Ninsabu eċċitati ħafna biex l-udjenzi jinġabru hemm u jagħtu l-ħajja lil dan il-festival.”

Is-serata se tibda fis-7:30pm, bil-mużika tad-Drop-Out Band, li l-enerġija tagħhom żgur se tħeġġeġ lil dawk preżenti biex jieħdu pjaċir. Magħhom fuq il-palk se jingħaqdu żewġ artisti lokali maħbubin—Fabrizio Faniello u Petra Zammit — b’kanzunetti li jafhom kulħadd. Se jkun hemm ukoll it-tribute artist Roy in the Legend li se jkun qed jimita diversi ikoni tal-mużika minn epoki differenti: Elvis Presley, Michael Jackson, Freddie Mercury u Lady Gaga, fost oħrajn. Hu se jkun akkumpanjat minn band live, u l-imitazzjonijiet tiegħu se jkunu kompluti bil-kostumi ikoniċi ta’ dawn l-artisti.

Il-post, Baċir Nru 1, huwa spettakolari fih innifsu. Dan il-baċir storiku, mibni fl-1848, jitqies wieħed mill-iktar spazji sbieħ maġenb il-baħar, għaliex jgħaqqad il-wirt marittimu ma’ arkitettura li ilha hemm sekli sħaħ. L-atmosfera miftuħa u l-akkwati li matul dawn l-aħħar snin ġew restawrati jagħmluh sfond perfett għal lejla maġika ta’ mużika.

Dock Music huwa organizzat mill-Fondazzjoni Kottonera b’kollaborazzjoni mal-Gvern Lokali, Visit Malta, Palumbo Shipyard, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla, Port Logistics Operations u l-American University of Malta.

Aktar tagħrif: www.kottonera.mt/events/dock-music-2025