Internazzjonali

L-Ukrajna: Maqtula huma u jistennew il-pensjoni…Ikomplu l-attakki diretti fuq iċ-ċittadini

Ritratt: The Irish Times

Talanqas 25 persuna, fil-parti kbira nett anzjani, inqatlu waqt attakk mill-ajru tal-qawwiet Russi fuq il-komunità ta’ Yarova…Komunità li tinsab fir-reġjun ta’ Donetsk lejn il-Lvant tal-Ukrajna.

Il-vittmi kienu persuni ordinarji li sabu l-mewt qed jistennihom meta huma kienu qed jiġbru l-pensjoni minn bini tas-servizzi soċjali.

L-attakk ikkonfermah ukoll il-President Ukren Volodymr Zelensky. bl-iskwadri għall-emerġenzi f’Yarova jirreferu għal numru sinifikanti ta’ ċivili midruba b’kaġun tal-attakk indisriminattiv.

Il-komunità ta’ Yarova hi pjuttost qrib il-front tal-gwerra f’Donetsk  fejn it-truppi Russi qed javvanzaw mill-artijiet Ukreni tal-lvant.

Intant, l-ammont ta’ vittmi ċivili minn dan l-attakk hu fost l-ogħla għal ħafna xhur u meta l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi issa daħlet fit-42 xahar.

L-attakk anki segwa waħda mill-akbar offensivi tal-ajru mill-qawwiet Russi fuq Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna…Attakk fejn il-bini tal-Gvern ewlieni ntlaqtet minn missila tar-Russi – bil-President Zelensky jikkundanna ‘l-azzjonijiet ta’ Moska intiżi biex itawwlu din il-gwerra’.

Zelensky, fl-aħħar sigħat, ikkundanna wkoll l-attakk ‘brutali’ fuq iċ-ċivili ta’ Yarova, waqt li ma kien hemm l-ebda kumment min-naħa tal-militar Russu.