Opinjoni

OPINJONI: 250 sena mir-Rewwixta tal-Qassisin – (1)

Don Gaetano Mannarino
Minħabba li kien hemm involuti numru kbir ta’ qassisin u kjeriċi, l-insurrezzjoni bdiet tkun magħrufa bħala r-‘rewwixta tal-qassisin’

Il-ġrajja skont id-dokumenti fl-Arkivji Nazzjonali

minn Noel D’Anastas
Ir-Rewwixta tal-Qassisin, immexxija minn Don Gaetano Mannarino, qanqlet interess konsiderevoli fost l-istoriċi għall-impatt tagħha fuq ix-xena domestika lokali.
Ħafna jqisu lil Mannarino bħala eroj. Oħrajn iqisuh bħala kodard li l-pjan tiegħu falla mill-ewwel. Dan l-avveniment ġie studjat fil-kuntest tal-impatt li ħalla warajh fir-renju twil, kulurit u mimli tensjoni tal-Granmastru Emanuel Pinto de Fonseca (1741-73) u r-renju qasir tas-suċċessur tiegħu Francisco Ximénez de Texada (1773-1775), li sar magħruf sew għall-miżuri ta’ awsterità li impona biex forsi jtejjeb il-qagħda finanzjarja tal-Ordni ta’ San Ġwann li kienu tħallew fi stat ħażin ħafna fit-tmiem il-ħakma tal-predeċessur tiegħu.
Din is-sena qed titfakkar il-250 sena minn din il-ġrajja meta Don Gaetano Mannarino u sħabu rribellaw kontra l-ħakma tal-Ordni wara li kienu mxebbgħin bil-mod tal-għaj-xien tal-ħajja miżera.
Is-snin twal tal-ħakma lussuża tal-Granmastru Pinto wasslu biex il-kaxxa ta’ Malta tiftaqar sew tant li l-ħajja Maltija marret għall-agħar, bil-prezzijiet jogħlew u żieda ta’ tassazzjoni fost miżuri oħrajn. Ximénez daħal fil-maġistratura f’Jannar tal-1773. Kien milqugħ tajjeb għat-tama li jkun hemm titjib fir-riformi amministrattivi u tnaqqis fl-għoli tal-ħajja, iżda wiret il-kaxxa ta’ Malta midjuna ħafna u ġie mġiegħel jimplimenta politika ta’ awsterità. Naqqas is-salarji tal-impjegati ċivili u ħafna uffiċjali lokali fi ħdan l-Ordni tkeċċew, barra wkoll li keċċa letturi barranin mill-Università tal-Istudji.
Ximénez impona tnaqqis ġenerali drastiku fuq in-nefqa pubblika filwaqt li l-milizzja magħmula minn irġiel lokali ġiet xolta.
Ximénez impona projbizzjoni fuq il-kaċċa ta’ liebri selvaġġi u fniek biex jipprova jsaħħaħ il-ħażniet tagħhom minħabba kaċċa żejda, kemm mill-kavallieri għall-isport tagħhom, kif ukoll minn nies tal-lokal li għalihom kien oġġett tal-ikel irħis miżjud fil-borma tal-familji fqar. Ħafna kienu dawk li biex ilaħħqu mal-ħajja kellhom ikabbru l-uċuħ tar-raba’ bħala linja sekondarja, iżda issa kienu sabu diffikultà ġdida għax l-uċuħ tar-raba’ tħassru mill-firien.
Wara diversi protesti, Ximénez eventwalment qabel li jeżenta ċerti territorji mill-projbizzjoni, iżda qamet kontroversja meta l-Isqof ta’ Malta, Giovanni Carmine Pellerano, estenda l-eżenzjoni għall- artijiet proprjetà tal-kleru. Dan wassal għal tensjoni bejn Ximénez u l-kleru, li rriżulta biex xi qassisin talbu lir-Re ta’ Napli biex ineħħi lill-Granmastru mill-poter.
Matul is-sajf tal-1775, il-ħsad fi Sqallija falla. Dan wassal biex ġiet imposta wkoll taxxa ġdida fuq il-provisti tal-qamħ importati minn Sqallija. Il-Maltin tant kienu mxebbgħin li grupp ta’ qassisin ippjanaw biex iwaqqgħu l-kaptani tagħhom.

Il-pjan tar-ribelli jisfaxxa
F’Settembru 1775, parti sinifikanti tal-forzi armati tal-gżira kienet impenjata barra mill-pajjiż fuq spedizzjoni lejn Alġiers. Għalhekk ir-ribelli għażlu propju l-lejl tat-8 ta’ Settembru biex iniedu l-irvell tagħhom, meta l-Ordni jkun qed jiċċelebra r-rebħa tal-Assedju tal-1565 bil-pompa tas-soltu.
F’dak il-lejl tat-8 ta’ Settembru, grupp ta’ rġiel ħadu f’idejhom il-Forti Sant’Iermu, filwaqt li l-bqija tar-ribelli qabdu taħt idejhom il-Kavallier ta’ San Ġakbu fit-tarf oppost tal-Belt. Ir-ribelli kienu ttamati li ħafna nies isegwuhom u jieħdu l-armi kontra l-Ordni, iżda kienu diżappuntati għax prattikament ma kien qed jingħata l-ebda appoġġ; kienu tħallew weħidhom.
Minkejja dan, Mannarino xorta ddeċieda li jkompli bir-rewwixta. Minħabba li kien hemm involuti numru kbir ta’ qassisin u kjeriċi, l-insurrezzjoni bdiet tkun magħrufa bħala r-‘rewwixta tal-qassisin’, għalkemm għandu jiġi enfasizzat li l-awtoritajiet ekkleżjastiċi lokali ma kellhom ebda naħa fiha u l-parteċipanti kienu kollha involuti fuq bażi personali. Magħhom kien hemm persuni oħrajn lajċi, fosthom ukoll nobbli u xi professjonisti.
L-aċċess għall-Kavallier ta’ San Ġakbu nkiseb permezz ta’ ċavetta falza, filwaqt li l-Forti Sant’Iermu ttieħdet bl-għajnuna ta’ kapural fir-Reġiment Maġistrali, Antonio Antonurso, li wara ġie eżiljat mid-dominju kollu wara li għen lir-ribelli jidħlu f’Sant’Iermu. Fiż-żewġ każi, il-bandiera tal-Ordni tniżżlet u minflok ittellgħet dik bil-kuluri tal-Maltin. Ir-ribelli ma tantx damu jokkupaw għax malajr ġew imrażżna u ċedew.
Ir-ribelli ntbagħtu l-ħabs fil-Forti Sant’Iermu, f’dak tal-Castellania, u kien hemm oħrajn li ntbagħtu fil-ħabs tal-Isqof. L-ewwel proċessi saru f’Ottubru 1775 u komplew fis-snin ta’ wara l-mewt ta’ Ximénez fl-4 ta’ Novembru ta’ dik is-sena. Tlieta mir-ribelli ġew esegwiti, filwaqt li oħrajn intbagħtu l-ħabs, eżiljati jew liberati.

Dokumentazzjoni fl-Arkivji Nazzjonali
Fl-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta hemm mill-anqas tliet dokumentazzjonijiet li jixħtu dawl tajjeb fuq dak li ġara. Konvint li meta wieħed ikompli jqalleb il-faxxikli u l-volumi tal-Qorti tal-Castellania u tribunali oħra, se jsib materjal ieħor marbut mal-ġrajja, jew mal-identità tal-protagonisti.
L-ewwel sors li jixħet dawl fuq ir-rewwixta hu l-‘Libro di Carcerati’ għas-snin 1773-1781, reġistru li fih hemm imniżżel dawk li b’xi mod jew ieħor daħlu fiċ-ċelel tal-Castellania fil-Belt jew dik tal-Capitanale fl-Imdina, anki jekk forsi għal ftit sigħat ta’ interrogazzjoni. Fih hemm il-lista sħiħa ta’ dawn ir-ribelli, sew dawk li ġew kundanati għall-mewt, dawk eżiljati għal dejjem, dawk li ntbagħtu l-ħabs għal għomorhom, u dawk li nħelsu.
Id-dokumentazzjoni fil-‘Libro di Carcerati’ turi li minn madwar 64 priġunier li isimhom jidher b’rabta mar-ribelli, terz biss kienu qassisin jew kjeriċi, filwaqt li żewġ terzi kienu lajċi. Tlieta mir-ribelli maqbuda fil-Kavallier ta’ San Ġakbu – l-Ispiżjar Pasquale Balzan, il-kuratur tal-funtani Michele Tonna, u l-vjolinist Claudio Chircop, kienu kundannati mill-Granmastru biex jiġu mgħallqa fil-ħabsijiet sigrieti tal-qorti u rashom titpoġġa għall-wiri fuq arbli li kien hemm fuq it-torri tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, li kien il-post tal-eżekuzzjoni tagħhom.
Francesco Bonnici, deskritt bħala ‘bastaso’, ħeles il-forka iżda ngħata sentenza ta’ għomor il-ħabs bil-ktajjen li tbiddlet għall-eżilju perpetwu minn Malta.
Dwar dawn it-tlieta li ġew kundanati għall-mewt ftit li xejn nafu. Dwar Michele Tonna, il-kuratur tal-funtani, ma nafu xejn. Il-vjolinista Claudio Chircop kien mill-Belt. Huwa iben Giovanni Chircop u Partemia, imwieled fit-22 ta’ Novembru 1746 u ġie mgħammed l-għada fil-knisja kolleġġjata parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt mill-Arċipriet Don Giuseppe Guicciardi. Skont l-Istatus Animarum tal-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt tal-1754 jirriżulta li Claudio, li dak iż-żmien kien għad kellu biss 7 snin, kien joqgħod ma’ ommu u oħtu Maria Anna fil-Quartiere Primo Castiglia. Huwa kien kjeriku fil-parroċċa ta’ San Pawl. Is-sentenza għall-esekuzzjoni ngħatat fit-13 ta’ Settembru 1775. Huwa kellu madwar 29 sena. Dwar il-karriera mużikali tiegħu ma nafu xejn.
Pasquale Balzan, l-aromatarju mill-Furjana jidher li kien figura interessanti għal dak li jixhed dokument ieħor li jinsab f’waħda mill-kaxxi tal-qrati mixxellanji li hemm preservati fl-Arkivji Nazzjonali fir-Rabat.
Id-dokument huwa inventarju tal-oġġetti li kellu Pasquale Balzan fl-ispiżerija tiegħu. Dan l-inventarju sar nhar it-13 u 14 ta’ Ottubru 1775, kompilat mill-Protomediku u l-Aromatarju Lorenzo Farregiani.
Id-dokument jiġbor 11-il paġna li jinkludu listi ta’ ħxejjex mediċinali u skutelli użati għall-preparazzjoni ta’ rimedji tal-ħxejjex, dokument li jixraqlu studju intensiv.
(Jissokta f’ħarġa oħra)

Lista tar-ribelli, inkuż Don Gaetano Mannarino ‘Capo di tutti’

Uhud mir-ribelli li tlieta minhom gew strangolati (Libro di Carcerati 1773-1781)

L-inventarju tal-medicina li kellu l-Aromatario Pasquale Balzan

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 9  ta’ Settembru, 2025.