minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Ftit ilu fakkarna li fit-23 ta’ Lulju 1957, kważi sebgħin sena ilu, ġie nieqes l-awtur Sqalli Giuseppe Tomasi di Lampedusa (1896). Dak li huwa magħruf ħafna għall-ktieb mill-isbaħ tiegħu Il Gattopardo (1958), li ġie pubblikat wara mewtu.
Dak li fih, il-persunaġġ u l-eroj Garibaldin, Tancredi Falconeri, waqt li jdur fuq il-Prinċep Fabrizio Salina jiddikjara: “Se vogliamo che tutto rimanga com’è, bisogna che tutto cambi.” Jekk irridu li kollox jibqa’ l-istess, hemm bżonn li jinbidel kollox.
Dan fix-xenarju ta’ sekli ta’ monarkija Borbonika li f’dik il-gżira tinbidel f’ħakka t’għajn mill-Mille ta’ Giuseppe Garibaldi. Kliem li rajt użat b’intelliġenza kbira minn oħrajn qabli f’dan il-pajjiż.
Proċess
Il-bnedmin mhux faċli li jinbidlu fil-modi tagħhom. Ħafna drabi jibqgħu jwettqu dak li kienu qabel, anki jekk mingħalihom li jkunu għaddejjin bil-ġdid. Forsi l-fatt li wieħed jitlob riformi jfisser għalihom dak li ma jafux. Iridu ħajja differenti u futur aħjar, imma jippreferu jibqgħu l-istess. Hemm dawk li jirkbu fuq dawn is-sejħiet. Jiddikjarawhom, imma jispiċċaw ma jwettquhomx. Kollox jibqa’ fejn hu.
Hemm min dan jippreferih. Biss, fortunatament, fid-dinja ġew bnedmin differenti li rnexxielhom jibdlu u jikkumbattu lil dawk li riedu jmorru lura lejn il-passat. Dawk li kienu verament liberi fil-fidi Nisranija. Dawk li qrajt hekk dwarhom: “… ready to confront the wider manifestations of evil in the social and national life of mankind.” (… lesti li jikkonfrontaw il-manifestazzjonijiet wiesgħa tal-ħażen fil-ħajja soċjali u nazzjonali tal-umanità.)
San Sergius
Tul dan is-sajf qrajt żewġ kotba li mexxewna iktar f’dawn ir-riflessjonijiet. L-ewwel fil-ktieb mill-isbaħ ta’ Nicolas Zernov (1898-1980) bit-titlu St Sergius – Builder of Russia (1939).
Wieħed miktub f’perjodu partikolari, mimli b’għerf u informazzjoni, l-iktar dwar dan il-qaddis u ħidmietu biex ġieb identità nazzjonali partikolari. Naħseb li biex wieħed jifhem parti mill-kultura Russa, irid jaqrah. Bniedem li ġie nieqes fil-25 ta’ Settembru 1392.
Bidliet
Fid-dawl tal-gwerra li kienet ġejja f’dan il-ktieb, fl-introduzzjoni tiegħu jgħid hekk: “The world of to-day is passing through a period of radical reconstruction. Things which have grown old are being destroyed, drastic alterations introduced, and fresh ideas advocated. Many Christians feel profoundly disturbed by these gigantic changes, not because they are opposed to any improvement, nor because they are particularly satisfied with existing solutions. Their anxiety is caused by the fact that the things being thrown away are not always obsolete or useless, while innovations which are introduced in their stead bring back familiar old evils.”
(Id-dinja tal-lum għaddejja minn rikostruzzjoni radikali. Ħwejjeġ li xjaħu qed jiġu distrutti, tibdiliet drastiċi introdotti, u ideat ġodda mħeġġa. Ħafna Nsara jħossuhom disturbati b’dawn it-tibdiliet kbar mhux għax huma kontra xi tibdil, anqas għax huma sodisfatti bil-kundizzjonijiet preżenti. L-ansjetà tagħhom ġejja mill-fatt li qed jintrema dak li għadu ma spiċċax l-użu tiegħu, u dak li qiegħed jiġi introdott minfloku qiegħed iġib lura ħażen passat.)
’Il quddiem u lura
Dan iktar fil-ġlieda u kunflitt ta’ ideat bejn dak li huwa sewwa u dak li mhuwiex. F’dak li jidher ‘antik’ imma tajjeb u dak li jidher ‘ġdid’ imma li huwa żbaljat. Fl-isfidi li l-Insara jsibu ruħhom fihom. Fil-ġlieda għall-valuri etiċi fundamentali li jirrispettaw il-bniedem. Id-dinjità sħiħa tiegħu fil-ħidma sabiex ikun parteċipi ta’ ordni soċjali fil-ġustizzja. Fejn il-passat ma jintremiex, imma fl-għeruq sodi tiegħu jinbnew proġetti li jmexxu ’l quddiem l-umanità. Pożizzjonijiet li sab ruħu fihom San Sergius, kif ukoll persuna oħra qablu.
Dan missejt miegħu waqt li b’interess u pjaċir qrajt il-ktieb bit-titlu Ambrogio Vescovo. Chiesa e impero nel IV secolo (1992) ta’ Lidia Storoni Mazzolani (1911-2006), dik l-istorika Taljana li tul din il-ġimgħa nfakkru, fil-11 ta’ Settembru, il-kważi għoxrin sena mill-mewt tagħha.
San Ambroġju
Bniedem kbir. Qaddis ukoll. Persuna li għex (339-397 WK) u ħadem fil-belt Taljana ta’ Milan. Wieħed li kien ġej mill-karriera governattiva, f’dik li tissejjaħ bħala ‘cursus honorum’, fil-kultura klassika fil-veru sens tal-kelma. Dak li sab ruħu kważi mġiegħel isir isqof. Dak li sab ruħu jrid jikkumbatti ma’ diversi imperaturi u mexxejja militari. Dak li żamm għolja l-Fidi Kattolika. Ikkumbatta lil dawk kollha li riedu jdaħħlu lura r-riti pagani. Dawk li għamlu minn kollox sabiex jieħdu knejjes Kattoliċi sabiex jingħataw lill-Arjani. Il-bniedem li ma beżax jieqaf lill-kurrenti avversarji kollha.
Fi żmien meta l-Imperu kien avversat minn kull naħa huwa żamm sod sabiex il-progress soċjali u etiku Nisrani ma jiġix żarmat jew imkisser minn ideat bażati fuq superstizzjonijiet varji li kienu jiddominaw u jaħkmu l-kultura u l-moħħ għal sekli. Ġellied kbir għas-sewwa, u dan il-ktieb miktub tant tajjeb imexxik pass pass sija fl-eventi kif ukoll fil-kitbiet mill-aqwa tal-qaddis.
Dwar dan
L-awtriċi tibda b’dan il-ħsieb fuq dak li għadda minnu fil-ktieb tagħha: “Coloro che vissero in quei decenni funestati da sciagure d’ogni genere e dal presagio della fine si trovavano di fronte al problema di preservare i valori del passato senza opporsi a mutamenti ineluttabili, di adeguarsi al presenti senza recidere le proprie radici, di comporre nella società e nella propria coscienza conflitti laceranti.” (Dawk li għexu f’dawk is-snin mimlija b’kalamitajiet ta’ kull tip u tal-għarfien kontinwu ta’ tmiem id-dinja tagħhom sabu ruħhom quddiem il-problema ta’ kif tippreserva l-valuri tal-passat mingħajr ma topponi għall-bidliet li ma jistgħux jinżammu lura, li taddatta għall-preżent mingħajr ma taqta’ mill-għeruq proprju tiegħek, li tgħaqqad u ġġib f’daqqa fis-soċjetà u fil-kuxjenza kunflitti li kapaċi jċarrtuk.)
Sfidi xejn faċli għal dawk li fid-dinja tal-lum jifhmu d-differenza bejn dak li huwa tajjeb u dak li mhuwiex. Dak li jista’ jinbidel, dak li m’għandux jinbidel u dak li huwa tajjeb li jinbidel.
Valuri u għeruq
F’dan ninsabu fix-xorti li kemm San Ambroġju, kif ukoll San Sergius, it-tnejn ikkumbattew għas-sewwa. It-tnejn issieltu b’għaqal, intelliġenza, determinazzjoni u kuraġġ sabiex is-soċjetà timxi ’l quddiem.
F’dan irnexxielhom, u warajhom ħallew legat sabiex ma jkunx hemm ir-rigress fl-ideat li flok iwettqu l-ġid komuni, iżarmawh. Bnedmin bħal dawn jagħtu eżempju lil dawk li verament iridu l-bidliet. Dawk li mhumiex ma’ Trancredi Falconeri fil-kliem: “Se vogliamo che tutto rimanga com’è, bisogna che tutto cambi”, imma huma dawk li wrew li jagħrfu li l-valuri u l-għeruq tagħna jfissru li wieħed irid jagħżel bejn dak li huwa sewwa u dak li mhuwiex, u li meta jagħmel din l-għażla ma jibżax jimxi ’l quddiem.
F’kelma waħda, bnedmin li ħadmu għas-Sewwa.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 9 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>