Futbol Sport

Rebħiet komdi għall-Ingilterra u n-Norveġja… Franza u l-Portugall jitħabtu ftit aktar

Mill-ħames ġurnata tal-partiti ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2026 l-Ingilterra għelbu lis-Serbja bl-iskor ta’ 5-0, f’rebħa komda għat-tim immexxi minn Thomas Tuchel. L-Ingilterra fetħu l-iskor fit-33 minuta meta minn corner ta’ Declan Rice kien il-captain Harry Kane li xeħet fix-xibka, b’Non Madueke jirdoppja żewġ minuti wara, għall-ewwel gowl internazzjonali tiegħu.

Ezri Konsa għamilhom 3-0 biex kien id-difensur ieħor ċentrali Marc Guehi li għamilhom 4-0. Il-ħames gowl għall-Ingilterra wasal fid-90 minuta meta mill-ħdax-il metru kien Marcus Rashford li ma żbaljax.

Rebħa storika għan-Norveġja bl-iskor ta’ 11-1 fuq il-Moldova. Protagonist għan-Norveġiżi l-attakkant ta’ Manchester City Erling Haaland li skorja ħames gowls f’din il-partita. Il-gowls l-oħra waslu minn poker ta’ Theo Aasgaard, gowl tal-captain ta’ Arsenal Martin Odegaard u Felix Myhre.

Rebħa kumbattuta għall-Portugall fuq l-Ungerija bl-iskor ta’ 3-2. L-Ungerija fil-vantaġġ wara 21 minuta permezz ta’ Barnabas Varga bil-Portugall iġibu d-draw b’gowl ta’ Bernardo Silva. Huma marru fil-vantaġġ b’penalty mogħti u skorjat minn Cristiano Ronaldo, qabel reġa’ kien Barnabas Varga li kiseb id-draw għall-Ungerija, b’Joao Cancelo jiskorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa ta’ 3-2, fit-86 minuta.

Rebħa missielta għal Franza fuq l-Iżlanda bl-iskor ta’ 2-1. Andri Gudjohnsen poġġa’ lill-Iżlanda fil-vantaġġ fit-22 minuta, b’Kylian Mbappe jikseb il-gowl tad-draw ma’ tmiem l-ewwel taqsima, mill-ħdax-il metru. B’dan il-gowl, it-52 wieħed tiegħu mat-tim Franċiż, hu qabeż lil Thierry Henry u issa fadal biss li jaqbeż lil Olivier Giroud bħala l-aktar plejer li skorja gowls għal Franza. Il-gowl tar-rebħa wasal fit-62 minuta minn Bradley Barcola.

Riżultati: Azerbaijan v Ukrajna 1-1, Franza v Iżlanda 2-1, Armenja v Irlanda 2-1, Ungerija v Portugall 2-3, Bosnia H. v Awstrija 1-2, Ċipru v Rumanija 2-2, Norveġja v Moldova 11-1, Albanija v Latvja 1-0, Serbja v Ingilterra 0-5