Ix-xuffier tal-cab, li baqa’ dieħel fi stabbiliment tax-xagħar waqt li kien qed isuq taħt l-influenza tal-alkaħol ingħata sentenza sospiża.
Abdi Salaan Ali, ta’ 42 sena. li tressaq il-Qorti t-Tlieta filgħodu quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq ingħata sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn. Dan filwaqt li ngħata wkoll multa ta’ elfejn ewro u kellu l-liċenza tas-sewqan tiegħu sospiża għal 9 xhur.
Il-Maġistrat inotta kif kien bi żbrixx u bil-ħniena ta’ Alla li ma weġġa’ ħadd, filwaqt li żied jgħid li l-aġir tiegħu kien wieħed irresponsabbli u bla rispett lejn il-ħajja ta’ ħaddieħor.
Xhieda minn Elmo Insurance ikkonfermaw li l-ħanut tax-xagħar, spiċċa bi ħsarat ta’ madwar €10,000 u kien wara din ix-xhieda li l-akkużat bidel l-ammissjoni tiegħu u wieġeb ħati. Fil-Qorti ntqal ukoll li bħalissa qed isiru t-tiswijiet fil-ħanut, u kif jiġu sottomessi l-irċevuti, il-vittma se titħallas.
L-Ispettur Nathan Bugeja, spjega li l-akkużat kien impjegat biex jipprovdi servizz liċ-ċittadini imma r-riżultat tal-breathylser tiegħu immarka ferm għoli. U għalhekk dan wasal biex poġġa diversi persuni f’riskju.
L-avukat Zack Esmail, li deher f’isem sid il-ħanut tax-xagħar, argumenta li l-vittma ma temminx li s-Somalu ħaqqu priġunerija effettiva.
Dan filwaqt li l-Avukata Francesca Zarb, iddeskriviet dan l-inċident bħala wieħed sfortunat. U Għalhekk argumentat li peress li l-akkużat kien qed jinżamm f’detenzjoni, sentenza ta’ ħabs effettiv ma kinitx ideali.
//= $special ?>