minn Noel D’Anastas
Matul dan ix-xahar, Vinyl Paradise se jmur il-Kanada fejn se jagħti diversi kunċerti f’postijiet frekwentati mill-Maltin f’Toronto.
Vinyl Paradise hija band lokali li ddoqq mużika fi stil uniku li jħallat il-blues, il-funk, ir-rock u taħlita ta’ elementi pop. Jgħidu li jsibu ħafna ispirazzjoni f’artisti bħal Gary Clark Jr., Stevie Ray Vaughan, John Mayer u Jimi Hendrix.
L-ewwel dehra tagħhom f’Toronto se tkun nhar id-19 ta’ Settembru fil-Melita Soccer Club. L-għada se jdoqqu fil-Malta Band Club f’Mississauga. Imbagħad imisshom idoqqu fil-Gabby’s Patio, The Junction f’Toronto, nhar it-23 ta’ Settembru, u jtemmu l-mawra tagħhom jumejn wara b’kunċert fin-Niagara Grape and Wine Festival, St. Catharines.
Vinyl Paradise huwa ffurmat minn Ben Bailey, Patrick Camilleri u Antoine Tonna. It-trio huma mfakkra l-iktar għax-xogħol tagħhom fil-band The Creepers, li kienu jagħmlu parti minnha qabel ma ffurmaw Vinyl Paradise f’Jannar tal-2017. Matul dawn is-snin, Vinyl Paradise ħarġu diversi singles, fosthom Call Sometime, Stay, Count on You u Change, li ġiet masterjata f’Abbey Road Studios f’Londra. F’Novembru li għadda nedew l-album ta’ debutt tagħhom b’kunċert fit-Tigullio. Fl-2023, Vinyl Paradise kienet supporting band ta’ Ian Paice u l-band Perpendicular f’kunċert li sar f’Malta.
//= $special ?>