Lokali Qorti

20 xahar ħabs fuq żewġ serqiet waqt li kienet fuq pleġġ

Cherise Mifsud, mara ta’ 28 sena residenti l-Belt u bla xogħol, ġiet kundannata 20 xahar ħabs wara li ammettiet li wettqet żewġ serqiet meta kienet fuq pleġġ dwar reat ieħor. Uffiċjali tal-Pulizija kienu ġew mibgħuta biex jindirizzaw rapport dwar argument f’residenza u hemm indunaw li l-mara kienet qed taġixxi b’mod stramb għad-droga.

Kien hemm suspett li kienet qed taħbi d-droga fuq il-persuna tagħha. Madankollu, wara eżamijiet mediċi u CT scan f’Mater Dei, ma nstabu l-ebda traċċi tad-droga. Filwaqt li kienet għadha fl-isptar, Mifsud ġiet arrestata mill-ġdid fuq suspett li wettqet żewġ serqiet, wieħed ta’ flus kontanti minn dar fil-Gżira fis-5 ta’ Settembru 2024 u l-ieħor ta’ żraben tad-ditta Nike minn boutique hotel fis-9 ta’ Settembru 2024, kwalifikati bħala reati aggravati minħabba l-ħin u l-valur tal-oġġetti misruqa.

Hi wieġbet ħatja li fil-5 ta’ Settembru tas-sena l-oħra ghall-habta ta’ bejn l-10am. u s-1.30pm wettqet serqa minn Triq Sir Charles Cameron, Gzira. Ikkommettiet serq ta’ flus kontanti, li jeċċedi s-somma ta’ €232.94 izda ma jeċċedix is-somma ta’ €2,329.37 u dan sar għad-dannu ta’ Dmytro Lukianchuk,

Ammettiet ukoll talli nhar id-9 ta’ Settembru tas-sena 2024, għall-ħabta ta’ bejn id-9pm u l-11pm u qabel, gewwa “Land’s End Boutique Hotel, Triq ix-Xatt, f’Tas-Sliema, serqet żarbun tad-ditta Nike, u oġġetti oħra, għad-dannu ta’ Juan Camilo Hernandez Carreno.

Ammettiet ukoll li naqset milli tħares xi waħda mill-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti tal-Maġistrati ppreseduta mil-Magistrat Lara Lanfranco fid-digriet tagħha datat l-4 ta’ Lulju tas-sena 2024 li bih
ingħatat il-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia, sabet lill-imputata ħatja tal-imputazzjonijiet kollha fuq ammissjoni tagħha u kkundannatha għal 20 xahar priġunerija effettiva. Il-Qorti ordnat il-konfiska tad-depozitu ta’ €800 li kien impostat fl-għeluq tal-ħelsien mill-arrest u lill-imputata tħallas spejjez ta’ €1,308.21 għall-esperti, kif ukoll lil Dmytro Lukianchuk €1,000 bħala kumpens għall-flus misruqa.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard.