Alex Borg mexxa l-ewwel laqgħa tiegħu tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, minn mindu ħa f’idejh it-tmexxija tal-partit.
Il-laqgħa saret l-Erbgħa fil-5pm, u kienet deskritta bħala waħda pożittiva. Hawn saret diskussjoni dwar il-ġimgħat impenjattivi li għandu quddiemu l-PN – bil-festi tal-indipendenza li qed joqorbu, il-ftuħ tal-Parlament u l-preżentazzjoni tal-Budget għas-sena d-dieħla.
Din il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari issegwi l-ewwel laqgħat tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN u tal-Amministrattiv, biex b’hekk il-ħidma tal-Partit kompliet minnufih fejn ħalliet qabel l-elezzjoni tas-Sibt.
Għal-laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv, il-Kap tal-PN kien stieden ukoll lil Adrian Delia, li kkontesta miegħu l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. U t-tnejn li huma indirizzaw lill-membri tal-Amministrattiv …fejn sostnew li minn din l-elezzjoni kien biss il-PN li ħareġ rebbieħ.
Alex Borg u anke Adrian Delia ddikjaraw li wara kampanja li rriflettiet l-entużjażmu ġdid fi ħdan il-PN, minn issa ’l quddiem se jkunu qed jaħdmu flimkien f’ħidma kollettiva biex il-Partit ikompli jissaħħaħ.