Nhar il-Ħadd li ġej, Balzan se jkunu qed jibdew staġun ġdid fiċ-Challenge League wara li kienu llhom 12-il sena sħaħ fl-għola diviżjoni tal-futbol Malti.
Balzan se jkunu qed jilgħabu l-ewwel konfront tagħhom kontra Gudja United u jiem biss qabel il-bidu tal-Kampjonat, il-President tal-klabb, Anton Tagliaferro indirizza konferenza stampa biex jippreżenta l-iskwadra l-ġdida u l-isponsor il-ġdid li se jkollu t-tim għal dan l-istaġun.
Falcotrans se tkun il-kumpanija li matul l-2025/26 se jkunu l-isponsors uffiċjali ta’ Balzan fuq il-flokk tat-tim. Fl-istess konferenza stampa, l-eks internazzjonali Malti, Andrew Cohen kien konfermat kowċ ta’ Balzan. Fil-bidu ta’ Frar li għadda, l-eks plejer ta’ Kalakra, Hibernians u Gżira United rispettivament kien ħa t-tmexxija teknika tat-tim f’idejħ. Minkejja li Balzan ma rnexxilhomx iżommu posthom fil-Malta Premier, Cohen inżamm fit-tmexxija tat-tim.
Cohen mexxa lil Balzan f’disa’ partiti, fejn rebaħ logħba, tilef waħda u temm draw f’seba’ partiti.
F’kummenti li Tagliaferro u Cohen taw waqt din il-konferenza stampa, huma qalu li l-iskwadra ta’ Balzan għal dan l-istaġun se tkun mibnija fuq taħlita ta’ plejers żgħażagħ u oħrajn ta’ esperjenza.
//= $special ?>