“Dan hu l-mument li l-Ewropa ssir aktar indipendenti” – Ursula Von Der Leyen

Ritratt: Reuters
Mill-gwerra fl-Ukrajna u Gaza, għal investiment fis-setturi teknoloġiċi u indipendenza Ewropea

“Din hija ġlieda għall-futur tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, għandha titwieled Ewropa ġdida u aktar indipendenti.”

Iddikjarat dan il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen, meta l-Erbgħa filgħodu indirizzat lill-membri parlamentari Ewropej… fejn spjegat li dan huwa l-mument li l-Unjoni Ewropea tkun aktar indipendenti, u aktar b’saħħitha.

Fid-diskors tagħha, Von Der Leyen tenniet kif dan is-sajf wera aktar minn qatt qabel kif l-Unjoni Ewropea għandha tiġġieled sabiex ikollha aktar influwenza madwar id-dinja.

Fejn ħabbret li l-Unjoni Ewropea se tkun qed tissospendi parzjalment il-ftehim dwar negozju bejn Izrael u l-Unjoni Ewropea.

Fid-diskors State of the Union Von Der Leyen spjegat li huma bosta ċ-ċittadini li qed jikkundannaw il-fatt li l-istati membri tal-UE mhux qed jaqblu mal-azzjoni li għandha tittieħed sabiex il-familji f’Gaza ma jibqgħux isofru.

U għalhekk, l-Ewropa se tkun qed tagħmel iżjed – fejn spjegat li l-ġuħ ma jistax isir arma fi gwerra.

Ursula Von Der Leyen, iddikjarat ukoll li l-Ewropa, qed turi solidarjetà mal-Polonja, wara li r-Russja invadiet l-ispazju tal-ajru ta’ dan il-pajjiż.

Hija kompliet tispjega li 170 biljun ewro ingħataw mill-UE sabiex tgħin lill-Ukrajna. U insistiet li r-Russja għandha tħallas ta’ għemilha.

Fid-diskors tagħha hi ħabbret li l-Ewropa se tidħol f’alleanza ta’ drones mal-Ukrajna. Von Der Leyen spjegat ukoll kif l-Ewropa għandha tinvesti f’dak li hu msejjaħ drone wall. Dan sabiex l-Ewropa tipproteġi lilha nfisha.

Intant, Von Der Leyen qalet li l-Unjoni Ewropea se tkun qed tinvesti aktar fid-diġital, anke sabiex tgawdi minn aktar indipendenza.

Huwa propju għalhekk, li l-Unjoni se tkun qed tiddedika miljuni ta’ ewro f’fondi, sabiex setturi bħal intelliġenza artifiċjali u biotechnology fost l-oħrajn ikunu jistgħu jimirħu fl-Ewropa u mhux lil hinn.

Ursula Von Der Leyen spjegat li l-Unjoni tinsab fit-triq it-tajba sabiex tilħaq il-miri ambjentali tagħha.

Hi tkellmet ukoll dwar l-importanza tal-midja ħielsa u anke l-isfida tal-midja soċjali b’mod speċjali fejn tidħol is-sigurtà għat-tfal Ewropej.

Il-Kummissjoni, se tkun qed twassal anke pjan sabiex iċ-ċittadini Ewropej, inkluż l-istudenti, ikunu jistgħu jaffordjaw saqaf fuq rashom, dan filwat li ħabbret li l-Ewropa, se tkun aktar ambizzjuża sabiex tiġġieled il-faqar anke fost it-tfal. U spjegat li l-Ewropa se tkun qed tiġġieled ukoll il-pjaga tal-għoli tal-ħajja.

Intant, fil-ftuħ tas-sessjoni, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tkellmet fost l-oħrajn dwar l-attroċitajiet li għaddejjin f’Gaza u fl-Ukrajna. U tenniet fuq l-importanza tal-messaġġ ċar li jrid jingħata mill-Kummissjoni Ewropea.