Il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ikkundannat lil Ismael Alirou għal disa’ snin u nofs priġunerija wara li dan ammetta l-akkużi gravi miġjuba kontrih, fosthom parteċipazzjoni f’attivitajiet sesswali ma’ minuri ta’ 14-il sena, korruzzjoni ta’ persuna ta’ taħt is-16-il sena, tħajjir għall-prostituzzjoni u għixien minn fuq il-qligħ tal-prostituzzjoni ta’ minuri.
It-fajla ta’ 14-il sena kienet ġiet salvata mill-pulizija wara li nstabet mitluqa barra fit-triq. Meta Alirou kien tressaq il-Qorti flimkien ma’ persuna oħra kien qed jiġi allegat li t-tifla sfat stuprata diversi drabi minn żewġt irġiel li saħansitra użawha għall-prostituzzjoni.
Iż-żewġt irġiel kienu ġew akkużati li kkorrompew lit-tifla bi skopijiet ħżiena fosthom li jaqilgħu l-flus minn fuqha. It-tifla kienet maħruba mid-dar minħabba problemi familjari. Il-każ jmur lura għall-2018 meta l-imputat kien qed jersaq lejn il-vittma minorenni u, skont l-Att ta’ Akkuża, involva ruħu fiċ-ċirkostanzi msemmija f’din il-proċedura.
L-Avukat Ġenerali u l-akkużat ta’ 36 sena ninn Niġer ressqu rikors konġunt li fih qablu li, jekk ikun hemm ammissjoni ta’ ħtija, u li kellha tiġi inflitta sentenza ta’ disa’ snin u nofs ħabs flimkien ma’ miżuri oħra previsti mil-liġi.
F’Lulju 2025, Alirou, assistit mill-avukat difensur tiegħu u permezz ta’ interpretu, ammetta l-akkużi kollha u kkonferma li kien jaf u kien qiegħed jaċċetta l-konsegwenzi tal-ammissjoni tiegħu. Il-Qorti nnutat li l-ammissjoni saret f’fażi meta l-ġuri kien għadu ma ġiex iffurmat, u għaldaqstant ġew evitati spejjeż u dewmien.
Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti enfasizzat in-natura serja tar-reati, iżda qieset ukoll il-fedina penali nadifa tal-akkużat u l-fatt li kien ammetta. B’referenza għall-ġurisprudenza, irrimarkat li ammissjoni ta’ ħtija tista’ twassal għal tnaqqis fil-piena, għalkemm dan jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ.
Barra l-priġunerija, il-Qorti ordnat ukoll Ordni ta’ Trażżin ta’ tliet snin għall-protezzjoni tal-minuri, kif ukoll Ordni ta’ Trattament sabiex l-akkużat jingħata għajnuna psikoloġika għal tliet snin. Huwa ġie ordnat iħallas l-ispejjeż tal-esperti tal-każ u ismu għandu jiddaħħal fir-Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minuri skont il-liġi.
Biex tiġi protetta l-identità tal-vittma, il-Qorti ddeċidiet ukoll li isimha ma jistax jiġi ppubblikat f’ebda mezz ta’ komunikazzjoni.
//= $special ?>