Il-Pulizija ta’ Nottinghamshire, fl-Ingilterra, ikkonfermat li l-eks referee tal-Premier League, David Coote qed jiġi akkużat li għamel filmat indiċenti li jinvolvi tifel. Coote, li għandu 43 sena, mistenni jitressaq fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ Nottingham, għada l-Ħamis.
Coote bħalissa jinsab fuq libertá proviżorja kondizzjonali. Huwa ġie akkużat b’reat tal-Kategorija A li jirrelata ma’ fajl tal-filmat li kien irkuprat mill-uffiċjali fi Frar 2025. Il-kategorija li dwarha qed ikun akkużat Coote hija l-aktar waħda serja mill-kategoriji kollha.
Il-Kategorija A hija l-aktar waħda serja mill-kategoriji. L-akkuża fil-konfront ta’ Coote, tirreferi għal immaġni indiċenti ta’ tifel, bil-ħsieb għal użu abbużiv.
F’Diċembru tal-2024, Coote kien tkeċċa minn Professional Game Match Officials Limited (PGMOL) wara li deher filmat tiegħu jagħmel kummenti li juru attitudni skoretta u ta’ kritika, b’nuqqas ta’ rispett lejn l-eks kowċ ta’ Liverpool, Jurgen Klopp u li spiċċa ċċirkolat fuq il-midja soċjali.
F’Awwissu ta’ din is-sena, Coote ngħata sospensjoni ta’ tmien ġimgħat mill-Football Association minħabba l-filmati ta’ Klopp.
L-investigazzjoni li kienet għamlet il-PGMOL kienet tinkludi wkoll it-tieni filmat li ħareġ f’Novembru 2024, u li kien juri lil Coote, allegatament jabbuża minn sustanza, waqt li kien wieħed mill-assistenti tal-VARs matul l-Ewro 2024. Dwar dan il-filmat, il-UEFA kienet ħatret ukoll investigatur tal-etika biex jistħarreġ dan il-każ b’akkużi tant serji, u r-referee Ingliż ingħata sospensjoni mill-UEFA sat-30 ta’ Ġunju 2026.
//= $special ?>