Futbol Sport

ESKLUSSIVA | Hibernians b’akkwist importanti minflok Alex Bruno

Mailson Lima Duarte Lopes
Mailson Lima Duarte Lopes

Għalkemm il-kampanja akkwisti tas-sajf hija uffiċjalment magħluqa, il-klabbs għadhom biċ-ċans li jistgħu jiffirmaw plejers li jinsabu bla kuntratt u m’għahdom ebda rabta ma’ klabb. Net News jista’ jikkonferma b’mod esklussiv li fl-aħħar sigħat, Hibernians iffinaliżżaw l-akkwist tal-winger offensiv li jilgħab fuq ix-xellug, bl-isem ta’ Mailson Lima.

Hu kien qed jilgħab l-aħħar fis-Super League tal-Indoneżja, ma’ PERSIB Bandung u dan l-istaġun Lima kien għadu ma ffirma ma’ ebda klabb. Lima għandu 31 sena u lagħab darba mat-tim nazzjonali ta’ Cape Verde, f’logħba ta’ ħbiberija li kien lagħab fl-2018 kontra l-Alġerija.

L-akkwist ta’ Lima għadu jrid jitħabbar mil-klabb iżda se jkun qed jimla l-vojt li ħalla t-tluq tal-winger Brażiljan fl-istess posizzjoni, Alex Bruno. Sorsi infurmati sew żvelaw ma’ Net News li Alex Bruno mistenni jibqa’ Malta u se jkun qed ikompli l-istaġun fiċ-Challenge League ma’ Birżebbuġa.

Lima hu plejer ta’ esperjenza, fejn lagħab f’diversi Kampjonati Ewropej fosthom, fl-Olanda, ir-Rumanija, l-Armenja u l-Każakstan. L-istaġun li għadda kien mar jilgħab fil-kontinent Asjatiku, fl-ogħla diviżjoni tal-Indoneżja.

Sal-lum, fil-karriera tiegħu, Lima lagħab l-aktar ma’ FC Ararat-Armenia, fejn magħhom lagħab 125 darba u skorja 41 darba. Mal-klabb Armen, Lima rebaħ żewġ Kampjonati, fl-istaġuni 2018/19 u fl-2019/20.

Lima kellu suċċessi oħra fuq livell ta’ klabb fejn rebaħ ukoll it-Tazza Rumena ma’ FC Viitorul Constanta. L-istaġun li għadda, ma’ PERSIB Bandung, Lima kien parti mit-tim li spiċċa biex rebaħ il-Kampjonat Indoneżjan.