Il-Kunsill Lokali ta’ Siġġiewi ħabbar Festa Għeneb fis-Siġġiewi, attività mimlija ħajja u kultura li tiċċelebra l-ħsad tal-għeneb lokali u t-tradizzjoni twila tal-vitikultura fir-raħal. Festa Għeneb ser issir nhar is-Sibt, 13 ta’ Settembru, fi Pjazza San Nikola, is-Siġġiewi mis-6pm ‘il quddiem.
Din l-edizzjoni ser tgħaqqad flimkien it-tradizzjoni, l-istorja, l-ikel u d-divertiment f’lejla waħda ta’ ċelebrazzjoni li turi r-rabta bejn il-komunità agrikola, l-identità tagħna u l-fidi li nħaddnu. L-attrazzjoni ewlenija tal-attività se tkun l-esibizzjoni tal-għeneb, li turi varjetajiet differenti ta’ għeneb mill-għelieqi fertili ta’ Siġġiewi u wirja ta’ inġenji agrikoli. Se issir ukoll Kompetizzjoni tal-Inbid magħmul fid-djar, kif ukoll sessjonijiet ta’ ‘wine tasting’ imqabbel ma’ ikel tradizzjonali Malti, li joffru esperjenza unika.
Din l-inizjattiva ġdida saret possibbli grazzi għall-fondi Ewropej li ġew miksuba permezz tal-Fondazzjoni Għal Majjistral. Il-proġett bl-isem Fil-Kċina mas-Sindku se jara lis-Sindku tas-Siġġiewi flimkien mat-tfal tal-Kunsill Lokali tat-Tfal kif ukoll mistednin speċjali, jaqsmu riċetta tipika waqt sessjoni diretta ta’ tisjir, billi jużaw ingredjenti lokali u staġjonali.
Barra minn hekk, il-pubbliku se jkollu l-opportunità jduq u jesperjenza prodotti artiġjanali minn diversi reġjuni Ewropej, fosthom Sqallija u Spanja. Dawn jinkludu togħmiet lokali u nbid tipiku minn dawn it-territorji, parata barokka ispirata mill-istil storiku ta’ Noto (Sqallija) kif ukoll wirja ta’ disinn bil-melħ ippreżentati mill-organizzazzjoni magħrufa tal-Infjorata ta’ Noto.
Element storiku u spiritwali se jkun wirja mtella’ fil-Knisja tas-Siġġiewi b’isem Frott il-Fidi, wirja reliġjuża li tinkludi vestimenti reliġjużi rari mis-seklu 17, relatati mal-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta, li kellhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-vitikultura fis-Siġġiewi.
Il-pjazza se tinbidel f’ċentru ta’ festa u kultura, b’bejgħ ta’ ikel tradizzjonali, suq ta’ artiġjani, u zona dedikata għat-tfal b’logħob u attivitajiet adattati għalihom. Żewġ zoni ta’ divertiment se joffru spettakli matul il-lejla kollha – wieħed għal mużika varja, u ieħor li se jiffoka fuq mużika folkloristika Maltija, inkluż għana tradizzjonali.
Filwaqt li kien qed jitkellem dwar l-avveniment, is-Sindku tas-Siġġiewi Julian Borg qal: “Festa Għeneb fis-Siġġiewi hija aktar minn ċelebrazzjoni tal-frott tagħna – hija ġieħ lill-wirt tagħna, lill-fidi tagħna, u lill-ispirtu komunitarju li jgħaqqadna. Nistednukom ilkoll biex tingħaqdu magħna għal esperjenza kulturali tassew speċjali.”
//= $special ?>