Lokali Qorti

“Il-feriti mill-ġlieda ħdejn il-‘pool’ ta’ lukanda ma kkawżawx il-mewt ta’ Sciortino” – espert mediku

Espert mediku maħtur mill-Qorti xehed li Roderick Sciortino, li miet ftit jiem wara allegata ġlieda fil-lukanda DB Seabank Resort & Spa, ma sofra l-ebda ġrieħi li wasslu għall-mewt tiegħu.

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, il-Professur Mario Scerri spjega li Sciortino miet minħabba aneurizma (arterja batuta) fil-moħħ li nfaqgħet, kundizzjoni li ma kellha x’taqsam xejn mal-ġlieda li fiha l-Britanniku Liam Joseph Stacey qed ikun akkużat li ta daqqa ta’ ponn lilu.

Scerri qal li ma nstabux ġrieħi esterni li jistgħu jispjegaw il-ħruġ ta’ demm fil-moħħ. L-uniku sinjal viżibbli kien ħotba żgħira wara rasu, li x’aktarx ġara meta waqa’. Konsulent newrokirurgu kkonferma li l-iskansjaturi wrew aneurizma mifqugħa’ – “ġerħa purament patologika, mhux ikkawżata minn xi ġrieħi,” saħaq Scerri.

Huwa żied li l-pressjoni tad-demm ta’ Sciortino kienet perikolużament għolja, madwar 200, u li l-livelli ta’ alkoħol kienu elevati. “L-alkoħol jaħdem bħal aspirin, li jżid il-kwantità tad-demm ,” qal l-espert.

Ir-rekords tal-isptar żvelaw ukoll li Sciortino kellu storja ta’ mnieħer miksur sa mill-2018, li reġa’ ntwera fl-2024 u f’April 2025. Xi xhur qabel l-inċident kien saħansitra waqa’ fuq sit ta’ kostruzzjoni u kellu jiddaħħal l-isptar, u kien ilu jgerger minn uġigħ ta’ ras qawwi – sintomi li jaqblu ma’ aneurizma li kienet diġà qed tnixxi.

L-inċident seħħ fit-26 ta’ Lulju, meta Sciortino kien fil-lukanda mal-partner tiegħu Alexia Meilak, il-familja tagħha u bintu biex jiċċelebraw l-ewwel għeluq sninha. Huwa miet fl-isptar fil-31 ta’ Lulju wara li tneħħa mil-‘life support’. Xhieda li kienet ingħatat mill-partner tiegħu, Alexia Meilak, kienet żvelat li Sciortino kien qalilha li kellu tumur fil-moħħ.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Brandon Bonnici u Kevin Valletta, assistiti mill-Ispetturi Bradley Grima u Clayton Camilleri.

Stacey qed jiddefendi ruħu permezz tal-avukat Stefano Filletti, filwaqt li l-avukat Rachel Tua qed tidher parte civile.