Lokali

Il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara b’appell biex jissewwa l-akwedott wara inċident tat-traffiku

Permezz ta’ stqarrija, il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara informa lill-pubbliku li ġimgħat ilu, waħda mill-arkati tal-akwedott storiku li jinsab f’Birkirkara ġarrfet xi ħsarat minħabba inċident tat-traffiku li seħħ f’dik iz-zona.

Il-Kunsill fakkar li l-akwedott huwa parti mill-patrimonju storiku u kulturali ta’ pajjiżna, u huwa protett taħt il-liġijiet tal-Patrimonju Kulturali. Għaldaqstant, ir-responsabbiltà primarja fuq dan is-sit jaqa’ f’idejn is-Supretendenza tal-Wirt Kulturali, li minn naħa tagħhom minnufih ħadu l-azzjoni meħtieġa u ħatru perit sabiex jagħmel l-evalwazzjoni u r-rapport tekniku fuq il-ħsara li ġiet ikkawżata.

Huma sostnew li skont il-proċeduri, il-pass li jmiss huwa li x-xogħol ta’ tiswija jitwettaq mill-awtoritajiet ikkonċernati. Il-Kunsill qal li mhux f’idejh li jwettaq dan ix-xogħol, u ma għandux ir-responsabbiltà legali jew teknika fuq it-tiswija tal-arkata. Madankollu, huma sostnew li b’mod attiv u kontinwu, huma ilhom żmien twil jagħmlu pressjoni u jinvolvu ruħhom biex jaraw li dan ix-xogħol jitwettaq mill-aktar fis possibbli.

Dan speċjalment fid-dawl tal-fatt li waslet biex tibda sena skolastika ġdida, u jinsabu konxji ħafna tal-pressjoni tat-traffiku li diġà teżisti fiz-zona li żdiedet minħabba l-għeluq ta’ din l-arkata.

Għaldaqstant, huma qed jappellaw b’saħħa lill-awtoritajiet ikkonċernati kollha biex jagħmlu kull sforz sabiex ix-xogħol meħtieġ jitwettaq mingħajr aktar dewmien. Huma temmew li l-komunità ta’ Birkirkara, b’mod partikulari r-residenti tal-akwata, jixirqilhom soluzzjoni serja u immedjata għal dan il-inkonvenjent li ilu jippersisti, u li huma se jkomplu jaħdmu u jisħqu biex il-ħarsien tal-wirt tagħhom u l-ġid komuni tal-Karkariżi jibqgħu prijorità.