Lokali

Il-PN jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea biex jigu riżolti l-kunflitti fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani

BUREIJ, GAZA JULY 17: Palestinians inspect the rubble of Abu Hilo School, operated by UNRWA, after it was targeted in an Israeli airstrike in the central Gaza Strip's Bureij Refugee Camp in central Gaza on July 17, 2025. (Photo by Moiz Salhi/Anadolu via Getty Images)

Jilqa’ wkoll l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea favur il-ħarsien tal-ġurnaliżmu indipendenti

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-messaġġ tal-Kummissjoni Ewropea fil-kundanna bla riżerva tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna u issa anke fi spazju territorjali tal-Polonja.

Jilqa’ wkoll il-kundanna bla ewkivoċi tal-katastrofi umanitarja li qed tiżviluppa f’Gaza, ikkawżata bl-intervent militari tal-Iżrael.

Il-PN jinnota b’sodisfazzjon ukoll l-impenn muri mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen dalgħodu waqt id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni favur il-ħarsien tal-ġurnaliżmu indipendenti, anke fid-dawl ta’ dak li għadda minnu pajjiżna f’dan il-qasam.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li l-ebda Gvern m’għandu jabbuża mill-poter tiegħu permezz ta’ reklamar statali jew billi jpoġġi pressjoni biex jipprova jsikket lill-ġurnalisti.

Il-Partit Nazzjonalista jaqbel ukoll mal-kundizzjonijiet li qed tagħmel il-Kummissjoni b’rabta mal-fondi Ewropej, jiġifieri li jkun hemm rabta diretta bejn ir-rispett ta’ pajjiż għas-saltna tad-dritt u l-fondi Ewropej li jingħata. Dan jassigura li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jirrispettaw verament il-liġijiet tagħhom għax iċ-ċittadini Ewropej jixirqilhom assigurazzjoni li l-fondi tal-UE ma jiġux abbużati mill-klijenteliżmu jew il-korruzzjoni.

Il-bilanċ bejn il-kompetittività u l-protezzjoni taċ-ċittadin huwa kruċjali. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li t-tnaqqis tal-burokrazija fejn possibbli huwa tajjeb madankollu m’għandux isir b’detriment għad-drittijiet taċ-ċittadin għal xogħol adegwat, tal-protezzjoni tal-ambjent jew tas-sigurtà soċjali.

Il-Partit Nazzjonalista, bħala partit li dejjem fittex l-innovazzjoni u l-progress teknoloġiku, jilqa’ l-investiment fl-Intelliġenza Artifiċjali u d-diġitalizzazzjoni, u jinsisti li stati żgħar bħal tagħna ma jitħallewx lura fl-aċċess għall-finanzjament u l-infrastruttura tal-innovazzjoni.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u l-Kummerċ Beppe Fenech Adami u s-Segretarju Internazzjonali PN Beppe Galea.