Internazzjonali

Il-Polonja tinsab eqreb minn qatt qabel għal konflitt mar-Russja

Warsaw, Poland - August 02, 2015: Wide-angle view of the empty Assembly Chamber of the Parliament building in Warsaw, Poland

Il-Prim Ministru tal-Polonja, Donald Tusk qal li pajjiżu jinsab eqreb milli qatt kien ta’ konflitt militari… sa miż-żminijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Fil-fatt, il-Polonja tinsab qrib li tattiva l-Artiklu tan-NATO li jesiġi għal difiża kollettiva, bis-sehem tal-pajjiżi kollha tal-Alleanza; u li tkun valida f’sitwazzjoni fejn pajjiż-membru jispiċċa taħt attakk.

Din is-sitwazzjoni allarmanti żviluppat wara li l-ajruplani tal-Polonja u n-NATO waqqgħu erbagħa minn 19-il drone sparati mir-Russja – bl-iżviluppi jimmarkaw l-ewwel darba li d-drones tar-Russja twaqqgħu fl-artijiet ta’ pajjiż membru tal-Alleanza.

Il-Ministru Pollakk għall-Intern qal li l-militar tiegħu sab seba’ drones u l-fdalijiet ta’ oġġett mhux identifikat fl-artijiet ta’ pajjiżu.

Sadanittant, il-mistoqsija fuq fomm kulħadd hi jekk l-azzjoni bid-drones kinitx maħsuba u speċifikata minn Moska biex tevalwa r-reazzjoni tan-NATO.

U fiċ-ċirkustanzi, l-ebda analista mhu jeskludi li azzjonijiet bħal dawn jistgħu jirriżultaw fi preludju għat-Tielet Gwerra Dinjija.

Il-fatt li d-drones daħlu fl-ispazju tal-ajru tal-Polonja, fih innifsu, hu att aggressiv li, fost l-oħrajn, għandu jirriżulta f’laqgħat urġenti min-naħa tan-NATO.

Wieħed ukoll irid jara r-reazzjoni fit-tul tal-Istati Uniti għal din is-sitwazzjoni, meta l-Amerikani huma l-aktar pajjiż influwenti tal-Alleanza.

Sadanittant, diplomatiku Russu stazzjonat fil-Polonja ċaħad li d-drones ta’ pajjiżu daħlu fl-ispazju tal-ajru tal-Polonja – u qal li dawn kienu rapporti mingħajr bażi.

Iżda ftit hemm dubju li l-aħħar żviluppi żiedu bil-kbir l-arja ta’ antagoniżmu bejn il-Polonja u r-Russja li għandhom storja twila ta’ tensjoni bejniethom… storja li tmur lura għal qabel it-Tieni Gwerra Dinjija.

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qed isegwi dawn l-iżviluppi b’attenzjoni kbira waqt li fissirhom bħala preċedent perikoluż ħafna għall-Ewropa.